
It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu
23/12/21
It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu
Quddiesa ta’ Binhar
Kolletta tal-Quddiesa ta’ Binhar
O Alla, int b’mod tal-għaġeb ħlaqt il-bniedem fil-kobor tiegħu, u b’għaġeb akbar ġeddidtu wara li waqa’: agħmel li nissieħbu ma’ Kristu fin-natura tiegħu ta’ Alla. Kif hu għoġbu jieħu sehem magħna fin-natura tagħna l-bnedmin, Hu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Lectio Divina
F’dan il-jum tat-Twelid ta’ Ġesù, il-Liturġija tippreżentana bil-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann. Ir-Raba’ Evanġelju jiftaħ b’din is-silta poetika straordinarja meqjusa bħala innu lill-Kelma ta’ Alla (Verbum Dei). Hija sintesi meditattiva tal-misteru kollu tas-salvazzjoni ta’ Alla: il-verità ta’ Alla u tal-bniedem. Meta aħna nirriflettu fuq din il-ġrajja, aħna nifhmu aktar u aħjar min Hu dak li twieled u min aħna aħna
Il-Prologu jiftaħ billi jippreżentalna l-oriġini tal-Verb (il-Kelma). Imma mbagħad ikompli jispjega kif din il-Kelma ta’ Alla, f’ċertu mument, tidħol f’kuntatt mal-umanità permezz tal-inkarnazzjoni. “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1, 14)—jew, kif jittraduċiha Saydon, “U l-Kelma saret ġisem u għammret fostna.” Dan il-vers hu l-qofol tal-Bxara t-Tajba tal-festa tal-Milied.
Il-Verb (il-Kelma) sar bniedem bħalna fil-persuna ta’ Ġesù Bambin ta’ Nazaret imwieled ġo għar f’Betlehem, biex ikun għalina id-Dawl tad-dinja u l-Ħajja li tagħmilna wlied Alla. Vers li tant xerred id-devozzjoni lejh San Ġorġ Preca u li fiż-żmien f’pajjiżna kont tarah stampat u mwaħħal f’ħafna postijiet, fid-djar, fil-lockers jew il-kaxxi tal-għodda, u saħansitra mpitter b’ittri mberfla fuq il-kabina tax-xufier fuq tal-linja.
Il-Verb juri lilu nnifsu bħala ‘d-Dawl’, “dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1, 9). Grazzi għall-Verb, il-bnedmin jaraw id-dawl li jiggwidahom u jmexxihom għall-milja tal-ħajja. Iktar tard, fl-istess Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù jgħid: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8, 12). B’kuntrast mad-dawl, id-dlam huwa id-diżorjentament u l-konfużjoni ta’ dawk li ma jafux kif għandhom jaġixxu—diżorjentament li jista’ jsir sistema ta’ ħajja li twassal biex dak li jkun ma jagħrafx il-veru skop tal-affarijiet u b’hekk jiġi mkaxkar mill-impulsi tas-sitwazzjonijiet li jsib ruħu fihom.
Il-messaġġ huwa ċar: id-dawl huwa l-ħajja; id-dlam, il-mewt. Ġesù, il-Verb, jagħti l-possibbiltà lill-bniedem li joħroġ mid-dlam li jkun fih u jgħaddi għad-dawl; id-dawl li hu dħul fl-ambitu tal-imħabba ta’ Alla hekk li min jidħol fih jirċievi l-grazzja ta’ dik l-imħabba.
Talba
Illum ma tantx inħobbu lil min hu wieqaf u moħħu biex jordna. Min-naħa l-oħra, ftit issib min li, għax għandu xi setgħa, jinża’ l-ġlekk, ixammar il-kmiem u jiċċappas bit-trab u l-għaraq. Imma inti mxejt magħna bħal imgħallem li jitħallat man-nies komuni. Ġesù, għalkemm inti Alla, ma qgħadtx tfittex li żżomm il-pożizzjoni tiegħek, iżda ridt issir bniedem bħalna, tixbahna f’kollox, barra mid-dnub.
F’dan il-jum tat-twelid tiegħek, nitolbuk tagħtina qalb ġdida tal-laħam, mimlija bl-imħabba lejn dawk kollha li ngħixu magħhom jew li inti tlaqqagħna magħhom, biex inkunu ta’ servizz għalihom waqt li ma niqfux irroddulek ħajr talli inti Alla li sirt bniedem sabiex tgħammar fostna.



