
Il-Verġni Omm Alla, Marija
31/12/21
L-1 ta’ Jannar
Kolletta L-Imqaddsa Omm Alla Marija
O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Lectio Divina
Fl-okkażjoni tas-solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla, il-liturġija tal-Kelma tkellimna għal darba darbtejn dwar il-barka ta’ Alla għal poplu tiegħu. Dan insibuh fl-Ewwel Qari meħud mill-ktieb tan-Numri 6, 22-27 li jghid hekk:
“Meta tbierku lil ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom:
Ibierkek il-Mulej
u jħarsek!
Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek,
u jurik il-ħniena
Iħares lejk il-Mulej bi mħabba
u jagħtik is-sliem!”
Bħallikieku dan mhux biżżejjed, nerġgħu nsibu konferma ta’ dan li għadna kif qrajna fis-Salm 66 (67)
Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.
Fit-Tieni Qari, fl-ittra lill-Galatin (4, 4-7), San Pawl jirreferi għal dik il-mara li minnha twieled l-Iben ta’ Alla li ġie biex jifdina u jkollna l-adozzjoni ta’ wlied:
Ħuti, meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied.
U fil-Evanġelju (Lq 2, 16-21) naqraw:
“F’dak iż-żmien, ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura … Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.”
Il-liturġija tal-Kelma ta’ din is-solennità tgħinna ningħaqdu mar-rgħajja biex infittxu u nsibu lil Marija u lil Guzeppi bit-tarbija minduda f’maxtura.
Nistgħu ngħidu li dik il-barka, dik il-ħarsa, dik id-dija ta’ wiċċu, dik il-ħniena, dak is-sliem tittrażmettihulna Marija kull darba li nduru lejha fil-ħtiġijiet kbar u żgħar tagħna.
Qatt daqs illum id-dinja kollha ma teħtieġ din il-barka ta’ Alla.
Qatt daqs illum id-dinja ma teħtieġ il-wens ta’ Mqaddsa Omm Alla Marija.
Ejjew inħalluha tagħmel l-istess magħna lkoll għax l-imħabba tal-omm hi mħabba unika; hi mħabba indispensabbli.
Talba
Marija, kun il-wens tagħna u tad-dinja kollha hekk kif ninsabu mġarrba bil-pandemija.
Marija, idħol int għalina fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida.
Ammen.



