Probabbli hemm konnessjonijiet kbar bejn il-ktieb ta’ Sofonija, u l-kotba tal-profeti Ħabakuk u Naħumm – wisq probabbli huma kontemporanji għal xulxin. It-tlieta li huma fihom 3 kapitli. Fihom it-tlieta, mill-aspett teoloġiku, ma nsibu l-ebda referenza għall-messjaniżmu regali – ma fihomx l-ideja li dak li jsolvi s-sitwazzjoni drastika tal-poplu ser ikun dixxendent tal-monarkija.
Sofonija għex fl-aħħar ftit deċenji tar-renju tan-Nofsinhar, jiġifieri fl-aħħar deċenji tas-seklu sebgħa, meta r-re Ġożija ried iġib bidla fl-art billi jneħħi l-adorazzjoni tal-idoli, u billi jirrestawra it-tempju għall-qima tal-poplu ta’ Iżrael. Imma l-poplu kien dar wisq ‘l bogħod minn Alla, u l-adurazzjoni ta’ Allat oħra kienet saret vizzju għall-poplu. Ġożija spiċċa miet waqt battalja bejn Ġerusalemm u l-Babilonja. Sofonija kien ra dan kollu ġej u għal snin sħaħ hu kien qed jinforma lill-mexxejja ta’ Ġerusalemm. Dan il-ktieb huwa kollezzjoni ta’ poeżiji li fil-qosor iwasslu l-messaġġ tiegħu.
Dan il-ktieb nistgħu nqassmuh fi 3 partijiet. L-ewwel parti (1:1 – 2:3) tiffoka fuq il-ġudizzju ta’ Alla għal Ġudah u Ġerusalemm. It-tieni biċċa (2:4 – 3:8) tiffoka fuq il-ġudizzju għan-nazzjonijiet, kif ukoll Ġerusalemm. It-tielet biċċa tiffoka fuq it-tama li għad hemm għan-nazzjonijiet u għal Ġerusalemm (3:9-20).
Fl-ewwel biċċa nsibu reversal ta’ dak li ġara fil-ħolqien kif insibuh fil-ġenesi – dak li Alla ħalaq tajjeb, ser jerġa jdur bil-kontra f’disordni sħiħa. Juża dawn l-immaġini biex juri kif Ġerusalemm ser tispiċċa. Sofonija qatt ma jgħid liem armata din ser tkun li ser twassal għal dan kollu imma nafu minn profeti oħra bħal Mikea li din l-armata ser tkun il-Babilonja. Sofonija qatt ma jsemmi dan għaliex irid jagħmel enfasi fuq l-irwol ta’ Alla. Fl-aħħar ta’ l-ewwel sezzjoni huwa jsejjaħ lil dawk il-ftit li jibqgħu fidili lejn Alla. Huwa jikteb:
“3Fittxu l-Mulej ilkoll,
intom, l-umli tal-art,
li tagħmlu ordnijietu;
fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà:
biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej
ikollkom fejn tistkennu.” (2:3)
Fit-tieni parti Sofonija jiftaħ aktar, u jinkludi ukoll lil “Gaża, Askalon, Asdad, Mowab, Għammon”. Huwa jakkuża lil dawn kollha ta’ korruzzjoni. L-aħħar li huma akkużati huma l-Iżraeliti – donnhu huma l-agħar minn dawn il-postijiet l’oħra (3:1-4):
1Ħażin għaliha għar-ras iebsa tagħha, għat-tinġis tagħha,
il-belt li taħqar!
2Għas-sejħa ma tatx widen,
lanqas ma qagħdet għat-twiddib li kellha;
hi ma riditx tittama fil-Mulej,
lanqas ma resqet lejn Alla tagħha.
3Il-kbarat tagħha f’nofsha ljuni jgħajtu:
l-imħallfin tagħha lpup ta’ filgħaxija,
li ma jħallux xi jgerrmu sa filgħodu;
4fiergħa l-profeti tagħha, nies qarrieqa;
il-qassisin tagħha s-santwarju jipprofanaw,
u jiksru l-liġi.
Din is-sezzjoni tikkonkludi b’Alla jgħid:
8“Għalhekk, stennewni,
oraklu tal-Mulej,
għal dakinhar li fih inqum biex nixhed;
għaliex hu digriet tiegħi
li jien niġbor il-ġnus, niġma’ s-saltniet,
sabiex il-qilla tiegħi nixħet fuqhom,
nixħet ix-xrar tal-għadab kollu tiegħi,
għax f’nar il-korla għajjura tiegħi
l-art kollha għad tintemm. (3:8)
Il-ġustizzja ta’ Alla donnha ssir dan in-nar li jeqred l-art. Imma fl-aħħar sezzjoni ta’ dan il-ktieb turina li Alla ma jridx jiddistruġġi lin-nies imma jippurifika lill-poplu fosthom Ġerusalemm.
Alla jibda t-tielet sezzjoni billi jgħdi li ser jittrasforma l-qalb tal-poplu:
9“Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa’ nagħtihom
diskors bla qerq,
biex isem il-Mulej ilkoll isejħu,
jaqduh qalb waħda.
10Mix-xtajta l-oħra tax-xmajjar f’Kus
sat-truf tat-Tramuntana,
jadurani l-poplu mxerred tiegħi
u jġib l-offerta tal-qmuħ tiegħu.
Huwa ser jippurifika l-kliem tagħhom u hekk Alla ser jerġa jdawwarhom lejh. Alla ser ikun hemm magħhom, u huma msejħa biex ikantaw u jifirħu.