L-art tagħna bħalissa tinħass mgħarrqa u donnha ma tiflaħx għal iktar xita. Imma, fl-istess ħin, ruħna hija bil-għatx u qalbna titniehed bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma (ara Salm 63, 2). Għax nemmnu, aħna nafu li qalb il-bniedem hi bil-għatx għall-Mulej—u, minkejja li xorta bil-għatx u qisna art xagħrija, aħna mberkin għax nafu għal xiex qegħdin nixxenqu, filwaqt li min ma jemminx iġarrab vojt bla isem, li jsir deżert li jwaħħax. Din il-barka qisha xita rxiex, kważi nida, li forsi bil-kemm tinħass—mhijiex bil-qliel—imma li l-art tilħaq tixrobha u tista’ twassal għall-frott.

Matul iż-Żmien tal-Avvent, it-tradizzjoni Liturġika tal-Knisja tagħmel ħafna użu minn vers meħud mit-tieni taqsima tal-ktieb tal-Profeta Isaija—taqsima li kienet iffukata fuq il-ħelsien tal-poplu ta’ Alla mill-Eżilju f’Babilonja li kien jidher fil-qrib proprju minħabba fil-bidliet politiċi li kienu qegħdin iseħħu fil-Lvant nofsani f’dak iż-żmien. B’mod partikolari fl-antifona tad-dħul tar-Raba’ Ħadd tal-Avvent, il-Knisja titlob bil-kliem tal-Profeta:

Qattru, smewwiet, mill-għoli, u jraxxax is-sħab il-ġustizzja; tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni, u tinbet magħha l-ġustizzja.

Isaija 45, 8

Għaldaqstant, fit-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni ta’ meta aħna rajna jibda jseħħ il-ħelsien mid-dnub u l-mewt permezz tat-twelid ta’ Alla bħala bniedem, u wkoll waqt li qegħdin nistennew li aħna wkoll induqu dan il-ħelsien b’mod definittiv meta niltaqgħu mal-Mulej wiċċ imb wiċċ, mhux ta’ b’xejn li l-Knisja ttenni diversi drabi dan il-kliem: din il-karba biex jinfetħu s-smewwiet sabiex minnhom tinżel il-grazzja u hekk mill-art tinbet is-salvazzjoni, għalina, illum ukoll.

Din is-salvazzjoni tinbet mill-art għax, għalkemm il-grazzja tiġi mis-sema, din l-istess grazzja ma tinżilx lesta imma tagħti l-ħajja lill-art, tagħti l-ħajja lil qalb il-bniedem, biex hekk fiha tkun tista’ tisponta l-preżenza ta’ Alla li ssalva. Hija salvazzjoni li tinbet mill-art għax f’din l-art hu għażel li jgħammar u jsir wieħed minna. Hija salvazzjoni li għadha tinbet mill-art għax illum għadu jasal għandna permezz ta’ frott tal-art u xogħol il-bniedem li hu jibdlu f’ġismu u f’demmu, li terrqu fuq l-art, sabiex iqawwina fil-mixi tagħna f’din id-dinja.

Hekk kif qegħdin noqorbu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, nitolbu lill-Mulej l-grazzja li tinfetaħ mill-ġdid l-art u tirtab sabiex tilqa’ fiha l-ħniena tiegħu biex hekk jinbet frott tas-sewwa fejn l-għemil, il-kliem, il-ħsibijiet u x-xewqat tagħna ma jkunux biss umani imma jkunu ħierġa mill-ġustizzja u l-qdusija tiegħu.