
Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu
Ir-Raba’ Ħadd Matul is-Sena Ċ
Kolletta
Mulej Alla tagħna, agħtina li nqimu lilek b’ruħna kollha u li nħobbu lil kulħadd bi mħabba spiritwali. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
X’kien għamel Ġesù f’Kafarnahum li n-nies ta’ Nazaret riedu li Ġesù jagħmel f’pajjiżhom ukoll? Kien ifejjaq kull xorta ta’ mard, kien ikeċċi l-ispirti ħżiena, kien iġib il-ferħ u l-ħelsien! Dan ma kienx xi ħaġa tajba? U żgur li kien. Imma għal Ġesù, kien hemm xi ħaġa iktar importanti li ried li niesu jindunaw biha: HU NNIFSU! Riedhom jilqgħuh almenu ta’ profeta mibgħut minn Alla bħalma kienu Elija u Eliżew. Imma huma riedu biss raġel li jagħmel l-għeġubijiet minkejja l-fatt li kliemu għoġobhom u ħassewh mimli ħlewwa.
Riduh skont ix-xewqat tagħhom u mhux skont il-pjan ta’ Alla għalihom. U rrabbjaw ħafna meta wrihom il-verità, tant li riedu joqtluh!
Bħalma ġralu Ġeremija, hekk ġralu Ġesù f’pajjiżu (Ġer 1, 19). Imma hu kien jaf li Missieru hu miegħu.
Jista’ jkun li aħna l-Maltin qed jiġrilna bħan-nies ta’ Nazaret? Jista’ jkun li lil Ġesù rriduh skont ix-xbieha li għandna f’moħħna u mhux skont il-pjan ta’ Alla għalina? Meta t-tagħlim tiegħu ma jdoqqx għal widnejna, x’nagħmlu? Inwarrbuh, narmuh, nagħżlu biss dak li jogħġobna? Jew nilqgħuh f’ħajjitna u nħalluh jibdel il-mod kif naħsbu u ngħixu, inħalluh jagħtina d-direzzjoni fuq deċiżjonijiet serji bħall-abort, l-ewtanasja, il-ġustizzja fuq ix-xogħol, l-imġieba lejn il-fqar u l-imwarrbin?
Talba
Missierna, inti tajtna lil Ibnek biex ikun il-Mulej, is-Sid tagħna. Għinna, nitolbuk, inkunu umli u nċiedu l-fehmiet tagħna għal dawk tiegħu, inħalluh jeħlisna mill-irbit tad-dnub u jimlina bl-Ispirtu tiegħu, Spirtu ta’ qawwa, ferħ u kuraġġ. Grazzi, Missier.