
Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk
It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, int tajtna l-grazzja tal-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl: agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
F’dan l-Evanġelju, Luqa jitkellem fuq waħda mill-aktar realtajiet importanti għal Ġesù, u għal kull nisrani: id-dixxipulat. Dan jikkonsisti f’kif wieħed għandu jimxi wara Ġesù, l-attitudnijiet li jeħtieġ ikollu u l-prijoritajiet li għandu jikkultiva. Is-silta tal-lum tibda b’atteġġjamenti żbaljati li d-dixxipli tal-Mulej jista’ jkollhom: jew jirriġettawh (is-Samaritani), jew ma jifhmux il-qalba tal-missjoni tiegħu (l-appostli Ġakbu u Ġwanni), jew inkella jippruvaw ifasslu immaġni ta’ Alla fuq dik tagħhom minflok bil-kontra (dawk li l-Mulej sejħilhom u riedu jaċċettaw bil-kundizzjonijiet tagħhom). Kemm-il darba naqgħu f’dawn il-kategoriji! Kemm-il darba ma nilqgħux il-kelma tal-Mulej meta ma jaqblilniex għax tispelli prezz ta’ skumdità u tbatija? Kemm-il darba nippretendu li l-Mulej jistmana ta’ privileġġjati fuq ħaddieħor, u ninsew li kull persuna hija xbieha tiegħu, u maħbuba mill-Mulej? U kemm-il darba lill-Mulej nagħmlulu kundizzjonijiet biex inwettqu dak li jgħidilna, li joħorġu minn prijoritajiet u proġetti oħra li jkollna? Il-qari kollu tal-lum jurina li meta l-bniedem jisma’ s-sejħa u jwettaqha kif inhi u bis-sħiħ, mingħajr kundizzjonijiet, u jintelaq kompletament b’fiduċja sħiħa fil-Mulej, jikber u jimmatura u jkollu perspettiva ġdida tal-fidi imsejsa fuq l-imaġni vera ta’ Alla. Jaqgħu il-maskri u jdubu l-pretensjonijiet, u l-bniedem il-qadim jiġi trasformat fil-ġdid, bil-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej. Hekk ġralu llum Eliżew, il-profeta li ħalla kollox warajh u segwa lil Elija! U hekk jiġrilu kull dixxiplu ta’ Ġesù li jirnexxilu jaqbad il-moħriet u qatt aktar ma jħares lura. Kelma tal-Mulej Ġesù din! Nemmnuha tassew?
Talba
Missier Qaddis, nitolbuk tagħtina l-grazzja biex inkunu dejjem dixxipli awtentiċi, leali, u bis-sħiħ impenjati ta’ Ibnek Ġesù Kristu, bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħek! Agħtina, nitolbuk, id-don tas-smigħ biex nisimgħu u nagħrfu s-sejħa, il-kuraġġ biex inwettquha u l-perseveranza biex intemmuha sal-aħħar. Aħfrilna ta’ kemm-il darba ppruvajna nieħdu l-kontroll ta’ ħajjitna f’idejna u ċħadna jew sfidajna l-awtorità, jew saħansitra ppruvajna nagħmluk fuq ix-xbieha tagħna. Ibdilna dejjem, Missier Qaddis, fix-xbieha tiegħek li ħlaqtna fiha, u li tidher f’Ibnek Ġesù Kristu.
Ammen




