
“Qalgħu lill-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh!”
L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Kolletta
O Alla, illum, b’Ibnek il-waħdieni, il-mewt ġiet megħluba, u int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem: agħtina li, aħna u niċċelebraw il-festa solenni tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, niġġeddu bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u nqumu għad-dawl tal-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. (v. 9)
Kien ħabbrilhom iktar minn darba li, wara li jbati f’idejn il-pagani, ittradut minn niesu stess, maqtul bħal kriminal, hu, Ġesù l-Messija, kellu jqum mill-imwiet. U x-xhieda tad-dixxipli stess turi kemm ma kinux emmnuh, ħadd minnhom.
L-ewwel reazzjoni ta’ Marija kienet li serqu l-ġisem ta’ Ġesù. U ħabbret dan lil Xmun u lid-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù. Kienet imnikkta? Kienet imħawda? U żgur li kienet. Imma kienet tħobbu. Kienet marret fid-dlam. Wara li telqu ż-żewġ dixxipli, hi baqgħet hemm tibki, konvinta li kienu serquh.
X’inhu l-Għid għalik?
X’inhu l-qabar vojt għalik, illum? Għadu jħawdek li donnu Ġesù nħeba minnek, li donnu l-mentalità tad-dinja sekularizzata “serqitu”?
Għad-Dixxiplu l-Maħbub, il-qabar vojt kien il-mument meta emmen.
L-esperjenzi tan-nuqqas ta’ preżenza tal-Messija f’ħajtek huma stedina biex temmen! Dawk li huma diżappunti f’ħajtek huma appuntamenti ma’ Alla. Hu hemm ħdejk. Mhux malajr tinduna bih jew tagħrfu. Imma, meta tgħix u timxi bil-fidi fih, l-Ispirtu s-Santu jiftaħlek għajnejk għar-realtà spiritwali, jurik dak li ma jidhirx, u jfittex fik l-imħabba u l-fedeltà lejn Ġesù.
Id-dettalji li jagħtina l-awtur ta’ x’sabu fil-qabar vojt, il-faxex u l-maktur li kien ma’ rasu juru … x’juru? Meta Lazzru ġie mqajjem mill-mewt kellu l-faxex miegħu. Imma Ġesù le. Meta rxoxta, ħalla kollox hemm. Ġismu hu glorjuż u m’għandux bżonn faxex ta’ mejjet. Meta beda jidher lid-dixxipli, ħwejġu ma kinux ta’ din l-art. Meta daħal fil-kamra msakkra, ħwejġu kienu “ġodda” u jirriflettu l-Ġisem glorjuż tiegħu.
Staqsi lilek innifsek: Kemm tħobbu lil Ġesù? Kif tħobbu lil Ġesù? Meta tħoss il-fidi tonqos x’tagħmel? Fejn tfittex lil Ġesù ħaj?
Talba
Quddiem l-oqbra tagħna, Mulej, agħtina l-istess fidi tad-Dixxiplu l-Maħbub sabiex nemmnu ukoll meta ma nilmħukx. Quddiem dak li nġarrbuh bħala mewt f’ħajjitna, agħmel li nisimgħu t-taħbita tiegħek fuq il-bieb ta’ qalbna biex inħallu tidħol u tagħtina l-ħajja tiegħek. Ammen.




