L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tlieta 10 ta’ Mejju 2022.
Salm 101 (102)
(I) Xewqat u talb tal-imjassrinAlla ifarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:4)
Mulej, isma’ t-talba tiegħi, * ħa tasal għandek l-għajta tiegħi. Taħbix wiċċek minni * f’jum id-dwejjaq tiegħi; ressaq widintek lejja, * meta nsejjaħlek fittex weġibni!
Għax jiemi bħal duħħan jgħibu; * u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad. Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ; † ninsa niekol sa l-ħobż tiegħi. * Bl-ilfiq qawwi tiegħi sirt għadma u ġilda.
Qisni xi tajra fix-xagħri; * sirt bħal kokka qalb xi ħerba. Nibqa’ mqajjem u nitniehed, * bħal għasfur waħdu fuq bejt. Il-jum kollu jgħajruni l-għedewwa tiegħi, * jixegħlu għalija u jidgħu bija.
Niekol l-irmied bħal ħobż, * u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat, minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek, * għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni. Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta’ filgħaxija; * u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.