Int salvajtli ħajti

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2022.

Kantiku (Iż 38:10-14,17-20)

Id-diqa tal-mewt u l-ferħ tal-fejqan
Jiena l-Ħaj; jien kont mejjet … għandi jinsabu l-imfietaħ tal-mewt. (Apok 1:17-18) 

Jien għidt: “Sejjer, f’nofs il-medda ta’ ħajti; *
nitqiegħed f’bibien l-imwiet għall-bqija ta’ snini!”
Jien għidt: “Miniex se nara l-Mulej *
f’art il-ħajjin;
ma nara b’għajnejja ’l ħadd iżjed *
minn fost dawk li jgħammru fid-dinja!” 

Tneħħietli l-għamara tiegħi †
u ġiet imwarrba minni, *
bħal għarix ta’ ragħaj.
Kebbibtli ħajti, †
kif jagħmel nissieġ biex jaqta’ min-newl. *
Lejl u nhar inti fnejtni.
Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum: †
bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi. *
Lejl u nhar inti fnejtni.
Bħal ħuttafa npespes, bħal ħamiema nokrob; *
għajnejja mbikkija jħarsu ’l fuq. 

Int salvajtli ħajti mill-ħofra tal-qerda; *
int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.
Ma jfaħħrukx l-imwiet, *
anqas il-mewt ma ssebħek.
Fil-fedeltà tiegħek ma jittamawx aktar *
dawk li jinżlu fil-qabar.
Min hu ħaj iroddlok ħajr bħali llum; *
il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek.
Salvana, Mulej, u aħna ndoqqu ċ-ċetri *
il-jiem kollha ta’ ħajjitna f’dar il-Mulej. 

Glorja.

Ant. 2: Salvana, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/