
Ġejt inġib l-firda
Il-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, int ħejjejt ġid li ma jidhirx għal dawk li jħobbuk: xerred fi qlubna l-ħlewwa ta’ mħabbtek, biex inħobbuk f’kollox u fuq kollox, u hekk niksbu l-ġid li wegħedtna, li hu aqwa milli nistgħu nixtiequ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Fi triqtu lejn Ġerusalemm insibu lil Ġesù jgħallem, iwissi, jikkundanna, ifejjaq…. Is-silta tal-lum hija proprju waħda minn dawn il-ġrajjiet fejn, hu u miexi, Ġesù ilissen tliet kummenti/stqarrijiet fuq l-istess ministeru tiegħu.
U xi stramberija ta’ stqarrijiet! X’ironija ta’ kummenti!
L-istess Ġesù li tant ipprietka l-paċi u l-għaqda llum jaħsadna b’dak li jgħid. Mhux soltu tiegħu! Il-messaġġ li jwasslilna llum jistona għal widnejna.
L-ewwel stqarrija fuq fomm Ġesù nsibuha biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!”
X’inhu dan in-nar li tant jitkellem b’ħeġġa fuqu Ġesù? In-nar huwa l-iskop tal-ministeru tiegħu. Ġesù juża diskors figurattiv sabiex iwassal l-għan tiegħu fuq din l-art.
In-nar iħeġġeġ. Quddiem in-nar ma tistax tibqa’ passiv. Quddiem in-nar trid tagħmel xi ħaġa … trid tieħu deċiżjoni.
Dan hu n-nar li qed jitkellem fuqu Ġesù. Huwa n-nar li ma tibqax b’idejk marbutin imma xxammar il-kmiem u tmidd għonqok għax-xogħol. Huwa n-nar li ma jħallix lil qalbna bi kwietha. Huwa dak in-nar li tant jispjegah sabiħ il-profeta Ġeremija: “…f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għajejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx akar għalih” (Ġer 20, 9).
It-tieni stqarrija li jagħmel Ġesù titkellem fuq il-magħmudija tiegħu. Ġesù mhux qed jirreferi għall-magħmudija tal-ilma li tgħammed biha fil-Ġordan imma qed jirreferi għall-magħmudija li ħabbar fuqu Ġwanni l-Battista: “ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3, 16).
X’inhi din il-magħmudija li Ġesù tant għandu dieqa sa ma sseħħ? Hija l-magħmudija tal-mewt tiegħu fuq is-salib. Huwa l-prezz għoli li minn jeddu offra li jħallas biex aħna nkunu salvi. Hija l-imħabba li tagħti lilha nnifisha.
It-tielet stqarrija ta’ Ġesù titkellem fuq il-konsegwenzi ta’ dan in-nar u din il-magħmudija.
X’inhuma dawn il-konsegwenzi? Oppożizzjoni, indifferenza, ostilità, firda, konflitti … saħansitra mill-istess familjari tagħna, dawk l-aktar qrib tagħna, dawk l-aktar ta’ ġewwa.
Dan hu l-prezz li jrid iħallas id-dixxiplu. Dan hu l-prezz li rrid inħallas jien jekk irrid nimxi wara l-Imgħallem. M’għandix skużi. Ma’ Alla m’hemmx kompromessi. Kellimna ċar u tond: “Tassew ngħidilkom , li fost dawk kollha li minħabba fija u fl-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom … ma jirċevix għall-mitt darba iktar djar, aħwa … flimkien ma’ persekuzzjonijiet …” (Mk 10, 29-30)
Talba
Mulej, jolqotni kemm kont determinat fl-għażliet tiegħek. Kemm kont ta’ rieda soda. Ma bżajtx tħabbat wiċċek mal-kuntrarju. Saħansitra ma bżajtx miċ-ċaħda ta’ niesek stess. Dejjem żammejt sod mal-valuri ta’ Missierek. Obdejt, anzi obbdejt sal-mewt tas-salib.
Tħallinix inkun imgerrex.
Tħallinix inkun beżżiegħ.
Tħallinix nibża’ u naħrab.
Għini niftakar li, Inti li għażiltni, m’intix se tħallini waħdi. Għax tassew, imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi. Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm il-għaxqa għal dejjem f’lemintek.
Ammen.