Kunu lesti intom ukoll

Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, aħna nagħmlu l-qalb u nsejħulek Missier; saħħaħ fina l-Ispirtu tal-ulied adottivi tiegħek, biex jistħoqqilna niksbu l-wirt li int wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna, hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
Għerf 18:6-9

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Dak il-lejl tal-ħelsien tħabbar minn qabel lil missirijietna,
biex, wara li għarfu sewwa f’liema wegħdiet emmnu,
aktar iqawwu qalbhom.
Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien tal-ġusti,
u l-qerda tal-għedewwa tagħhom,
għax kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna,
hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
L-ulied twajba tal-ġusti offrew sagrifiċċju bil-moħbi,
u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta’ Alla:
li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom
kemm il-ġid u kemm id-deni;
għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 32 33):1,12,18-19,20,22

R/.(12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

Kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.
Lhud 11:1-2,8-19

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.

Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art. Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b’dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom. Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih. Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew il-forma l-qasira

Qari II

Kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.
Lhud 11:1-2,8-12

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi.

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer. Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 24:42a,44

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ishru u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah.

Kunu lesti intom ukoll.
Lq 12:32-48

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: ‘Sidi jiddawwar ma jiġi’, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għall-għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Kunu lesti intom ukoll.
Lq 12:35-40

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!

Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ftit huma dawk il-parabboli li Ġesù jirrakkonta lid-dixxipli biss. Ħafna drabi jgħid dawn l-istejjer lil kulħadd. Mela meta nsibu waħda jew tnejn li huma indirizzati lid-dixxipli biss, għandna noqgħodu attenti ħafna.

F’din il-parabbola maqsuma fi tnejn, Ġesù qed jitkellem dwar ir-responsabbiltà li għandna aħna d-dixxipli li nwettqu b’reqqa l-missjoni li jafdalna hu.

Ma rridux inħallu t-traskuraġni jew l-għażż ixekkluna milli nkunu dejjem pronti nagħmlu r-rieda tiegħu. Ġesù ma jippruvaw ikun delikat hawnhekk. Hu dirett u ċar. Kull dixxiplu għandu l-ħlas tiegħu, emm jekk nobdu, kemm jekk ma nobdux, kemm jekk inkunu lesti, kemm jekk nitnikkru. Jasal jum għal kulħadd li jsir ġudizzju minnu stess ta’ x’għamel b’dak li ġie fdat bih—il-familja, il-ġid materjali, ix-xogħol, il-ħin liberu, it-talenti naturali, id-doni sopranaturali li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, il-ħbieb.

Ġibna ’l quddiem is-Saltna tiegħu? Bnejna ma’ oħrajn il-Knisja bl-għaqda, bil-ħlewwa, biż-żelu għall-appostolat? Ħadna ħsieb xulxin?

Talba

Missierna, nitolbuk maħfra ta’ dawk id-drabi li nkunu għażżenin spiritwalment u ma nħallux l-Ispirtu tiegħek jiggwidana u jqawwina anzi niqfulu b’ħafna skużi. Nitolbuk li nħallu dil-Kelma li tana Ibnek Ġesù tikkoreġina u ssuqna biex, filwaqt li nkunu grati għall-fiduċja tiegħek fina, aħna naħdmu b’iktar ħeġġa biex tiġi Saltnatek. Nitolbuk dan f’isem Ibnek Ġesù. Grazzi ħafna, Missier.