L-ispazju “awmentat” b’mod diġitali

Kull spazju “fiżiku” (“offline”) imfisser hawn fuq, hu wkoll estiż “online” permezz tax‑xibka ta’ parteċipazzjoni umana “medjata” (jiġifieri, permezz tat‑teknoloġija jew media) li hi l‑internet. Din hi “d‑dinja l‑ġdida” li tikber u tespandi mid‑dinja materjali li konna nafu. Hija realtà li tixbah għanqbuta (web‑like reality), li tqabbad flimkien, wieħed ma’ waħda, u tqarreb lil kulħadd jinsab fejn jinsab (“ubiquitous connectivity and pervasive proximity”), fejn il‑mudelli ta’ relazzjonijiet soċjali li konna mdorrijin bihom—ġerarkija, awtorità, burokrazija—jċedu posthom għal modi ġodda ta’ interazzjoni, modi ġodda ta’ kollaborazzjoni, espressjonijiet ġodda ta’ kif inkunu bnedmin. Dan l‑ambjent ġdid—fejn il‑personalitajiet tagħna u dak li noħolqu aħna jsiru kobba waħda— mhux biss iwassal sat‑truf tad‑dinja għax m’għandux fruntieri; imma għaldaqstant jitlob li nikkunsidraw mill‑ġdid xi tfisser il‑partikularità “Maltija” tagħna.

L‑uniku mudell biex nivvalutaw epoka b’suċċess hu li nistaqsu sa liema punt qed tiżviluppa fiha u tasal għar‑raġuni vera tagħha ‑milja tal‑eżistenza umana, fi qbil mal‑karattru partikulari u l‑possibbiltajiet ta’ dik l‑istess epoka.

Evangelii Gaudium, par. 224, kwotazzjoni minn Romano Guardini

Din ir‑realtà ġdida hija wkoll stedina biex nagħmlu iktar “uman” il‑potenzjal u l‑possibilitajiet li tkebbes din il‑kultura kkaratterizzata min‑“network” u intelliġenza artifiċjali (AI). Essenzjalment toffrilna opportunità biex niskopru (mill‑ġdid) dawk il‑karatteristiċi umani li llum jistgħu u għandhom jiffjorixxu b’mod ġdid. F’dinja fejn kulħadd hu konness u allura, kulħadd huwa qrib ta’ xulxin u ħadd ma jista’ jkun barrani, żgur li qed niġu mistiedna ngħixu esperjenzi ta’ ħbiberija awtentika, fi ftuħ għad‑djalogu, u ninsġu lingwaġġ iktar universali ta’ solidarjetà umana u ħbiberija.

Iktar ma jgħaddi ż‑żmien, iktar l‑ispazji soċjali fejn in‑nies jiltaqgħu biex jitkellmu, jaqsmu perspettivi, ideat u ħolm għal ġejjieni aħjar qed isiru “spazji awmentati” fejn l‑isfera diġitali testendi l‑ħajja soċjali, ekonomika u politika tagħna. Il‑postijiet fejn inqattgħu l‑ħin tagħna, fejn ninġabru biex inzekzku, niċċajtaw, naqsmu l‑aħbarijiet, nieħdu parir, niddevertu jew għall‑kumpanija … saru l‑ispazju fejn aħna niġu sempliċiment mistiedna “nkunu komunità.”

Dan ma jfissirx li niċħdu l‑għana tan‑natura fiżika tagħna bħala bnedmin. Imma qed niġu mistiedna li nistgħaġbu quddiem is‑sbuħija ta’ kif il‑moħħ tagħna—permezz tal‑esperjenzi tagħna—qed jiġi estiż, u b’xi mod allura anke l‑“ġisem” tagħna jekk aħna aktar “qrib”. Permezz ta’ screens ta’ kull daqs nistgħu nitgħallmu nersqu lejn xulxin u nilħqu dik “il‑komunjoni ta’ rwieħ” li umanament ilkoll nittamaw u nixtiequ.

Dan il‑mod ta’ kif “nersqu lejn xulxin” mhuwiex l‑istess bħal meta s‑soltu nitbissmu lil xulxin, inħarsu f’għajnejn xulxin, jew nieħdu b’idejn xulxin. Anke l‑mod ta’ kif ninġabru flimkien bħala “komunità li titlob” qed jiġi interpretat mill‑ġdid “skont il‑karattru partikolari u l‑kapaċitajiet tal‑epoka”.

Imma dak li qed niskopru huwa “lingwaġġ ġdid” ta’ tifkiriet u ħsibijiet li qsamna flimkien, frammenti ta’ emozzjonijiet, esperjenzi ta’ meta ħallejna s‑sbuħija tqanqalna … affarijiet li jispirawna, jagħmluna “min aħna”, il‑“persuni” li jfittxu l‑ħbiberija. Huwa lingwaġġ fejn dak li hemm f’moħħna u f’ruħna jitfisser b’simboli, bħala sensazzjonijiet mistura, li nippruvaw ngħaqqdu flimkien f’narrattiva waħda biex nagħmlu sens b’mod kollettiv ta’ din “id‑dinja ġdida”.

Minkejja dan, din l‑estensjoni tal‑personalità tagħna fid‑dinja diġitali tpoġġilna sfidi ġodda: il‑“paradigma teknokratika dominanti” timxi mal‑loġika tal‑utilità, hekk li tirriduċi l‑persuni għal informazzjoni, u allura għal opportunitajiet ta’ manipulazzjoni u gwadann. Għalhekk, il‑midja soċjali mmexxija mill‑loġika tal‑massimizzazzjoni tal‑profitti u tal‑bejgħ tal‑“informazzjoni” lil min joffri l‑iktar, qed isiru wkoll mezzi biex jiġu ddettati ideoloġiji, valuri relattivizzati, aġendi populisti, hekk li jwasslu biex tiġi llimitata l‑libertà tan‑nies.

Huwa għalhekk urġenti li nfasslu ħajja “globali” mgħixa flimkien billi nrawmu l‑arti tal‑ftuħ u tad‑djalogu bejn id‑differenzi kollha ta’ kultura, twemmin u opinjoni filosofika. Fil‑midja soċjali hemm ukoll riskju kbir fejn il‑manipulazzjoni sottili ta’ dak li jogħġobna u ma jogħġobniex, tal‑opinjonijiet u l‑preferenzi, tinfluwenza l‑viżjoni tagħna nfusna iktar milli jinfluwenzawna argumenti razzjonali persważivi. Bħalma r‑rabtiet immedjati jqanqlu ħafna emozzjonijiet, hekk ukoll din il‑prossimità ġdida toħloq kunflitti kollettivi u tribaliżmi ġodda. Barra minn hekk, permezz ta’ algoritmi u propaganda mmirata, faċilment nistgħu niġu mmanipulati emozzjonalment biex naqblu ma’ aġendi li jmorru kontra r‑raġuni u l‑ġid komuni. “Komunikazzjoni” ġenwina fi spazji medjati, l‑ewwel u qabel kollox, tfisser li neħilsu minn dawk il‑ktajjen li jippruvaw “ibigħulna” stili ta’ ħajja partikolari, fejn il‑ftit privileġġati jiggwadanjaw iktar, billi jirriduċu l‑mases għal “numri” li minnhom tista’ takkwista l‑informazzjoni.

F’din il‑ħidma globali biex dan l‑ispazju jsir iktar uman, il‑Knisja għandha dmir li titkellem b’mod profetiku billi tisħaq fuq il‑veritajiet fundamentali li huma meħtieġa għall‑iżvilupp tal‑bniedem. Barra minn hekk, il‑Knisja universali għandha titkellem bil‑lingwaġġ—u d‑doni—ta’ kull Poplu biex ħadd ma jitħalla barra, u kull kultura tkun inkluża. Dan jimplika l‑inkulturazzjoni tal‑Evanġelju f’kull realtà partikolari, sabiex flimkien, fir‑relazzjonijiet reċiproċi tagħna f’dan l‑ambjent diġitali ġdid, nistgħu naqsmu b’mod awtentiku d‑doni li jagħnu l‑“komunjoni tal‑popli”.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 61-63)