L-ispazji domestiċi

Min aħna jidher l‑iktar fir‑relazzjonijiet l‑iktar intimi tagħna. Id‑djar tagħna huma l‑iskejjel l‑iktar fundamentali biex insiru persuni‑f’relazzjoni li jistgħu jaslu li jafdaw lil xulxin, jikkollaboraw fi proġett komuni, imma wkoll li jsolvu dawk il‑kunflitti li ma jistgħux jiġu evitati, u, fuq kollox, li jaħfru l‑ġrieħi u d‑diżappunti li jikkawżaw lil xulxin. L‑ispazji domestiċi jisfaxxaw jekk il‑membri tagħhom ma jipprattikawx ir‑rikonċiljazzjoni bħala parti minn dak il‑proċess li jrawwem il‑ġenerazzjoni li jmiss. Barra minn hekk, il-maħfra—li hi meħtieġa għall-fejqan personali u komunitarju—hija possibbli biss bil-grazzja ta’ Alla. Għalhekk, l-ispazji domestiċi tagħna huma l-kejl tar-reżiljenza tan-nazzjon tagħna u wkoll tal-awtentiċità tax-xhieda li nagħtu bħala “Poplu ta’ Alla” li jirrikonċilja, jifforma u jista’ jieħu sehem fil‑ħniena ta’ Alla li ssalva.

In‑natura sagramentali taż‑żwieġ li jorbot flimkien żewġ dixxipli, u li fuqu tinbena l‑Knisja tad‑dar, irid ilaqqamna kontra l‑ħafna pressjonijiet li jagħfsu fuq il‑ħajja tal‑familja u r‑relazzjonijiet personali f’Malta llum. Imma anke ż‑żwieġ irid jingħex b’mod awtentiku, u biex jirnexxi jeħtieġ ħafna sapport mill‑Knisja u l‑istrutturi tagħha. Wara kollox, il‑familji Nsara huma, biex ngħidu hekk, l‑iskeletru li bis‑saħħa tiegħu jżomm il‑ġisem kollu tal‑ecclesia. Il‑kriżijiet ta’ mħabba fil‑ħajja tal‑familja mhumiex biss esperjenzi li jkissruna imma jridu jkunu wkoll dak li jiffurmana biex inkunu “Poplu ta’ Alla” msoffi, tassew kapaċi li jħobb “fir‑riżq tajjeb u l‑ħażin, fil‑mard u fis‑saħħa” hu u jimxi lejn it‑Tieni Miġja.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 47-48)