L-ispazji fi ħdan il-Knisja

Imkien mhuwa iktar meħtieġ dan il‑proċess daqskemm fl‑ispazji fi ħdan il‑Knisja stess li jridu jrawmu spirtu tassew nisrani u jiffurmaw il‑preżenza “Kattolika” tagħna fis‑soċjetà biex inkunu “melħ tal‑art” u “dawl tad‑dinja” (Mt 5, 13.14), b’mod partikolari l-parroċċi, il-movimenti lajkali u l-istituzzjonijiet reliġjużi. Jekk il‑“Poplu ta’ Alla” jonqos minn din il‑missjoni fundamentali tiegħu li jkun poplu rrikonċiljat u allura xhud tal‑istil ta’ ħajja li titlob “is‑Saltna” flok dak li titlob “id‑dinja”; jekk il‑melħ tagħna jitlef it‑togħma tiegħu, “ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min‑nies” (Mt 5, 13).

Il‑Knisja, preżenti fis‑soċjetà permezz tal‑ħafna istituzzjonijiet tagħha, tibqa’ “relevanti” daqskemm ix‑xhieda istituzzjonali “pubblika” tagħha tkun taqbel ma’ dak li jitlob l‑Evanġelju—mhux b’legaliżmu riġidu, imma bħala turija ta’ ġustizzja li tpoġġi fil‑prattika “l‑għażla preferenzjali tal‑foqra”; u turija ta’ ħniena li tazzarda timxi “l‑mil l‑ieħor” biex tilqa’ b’ġenerożità u tjieba lill‑barrani u lil min hu l‑aktar fil‑bżonn.

Permezz tal‑istituzzjonijiet tagħha, il‑Knisja għandha wkoll ir‑responsabbiltà li tifforma soċjetà li tfittex il‑ġid komuni b’mod oġġettiv—mhux billi timponi l‑viżjoni tagħha tat‑tajjeb fuq l‑oħrajn, imma bil‑“ferħ tal‑Evanġelju” li minnu nnifsu għandu l‑qawwa li jikkonvinċi. Din l‑esperjenza ta’ ferħ toħroġ l‑iktar fl‑espressjoni pubblika tal‑fidi tagħna li, filwaqt li tfakkar fl‑għeruq “Kattoliċi” tal‑kultura Maltija, fl‑istess ħin ma tħalli lil ħadd barra anzi tħeġġeġ lil kulħadd għal għixien iktar profond u flimkien tal‑esperjenza umana.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 46-47)