“Jiena r-ragħaj it-tajjeb”
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara
Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.
Ġwanni 10, 14-15
Għalkemm Ġesù għandu l-ħatar u n-nagħġa f’idu, bl-id l-oħra merfugħa ’l fuq u l-ħarsa fiss ’il quddiem jidher ċar li mhijiex rappreżentazzjoni tal-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa li nsibu f’kapitlu 15 tal-Evanġelju skont San Luqa (fejn il-kuntest huwa l-ħniena u l-maħfra), imma iktar hu Ġesù r-ragħaj it-tajjeb ta’ kapitlu 10 tal-Evanġelju skont San Ġwann (fejn il-kuntest huwa r-rabta tad-dixxipli ma’ Ġesù u l-oħrajn li jippruvaw iħarbtu din ir-rabta). B’ħarstu ’l barra mill-pittura, Ġesù donnu qed iħares lejna, l-udjenza, u qed jagħmlilna dak id-diskors li fih jitkellem dwaru nnifsu bħala l-bieb tan-nagħaġ u r-ragħaj it-tajjeb. Nistgħu nazzardaw ngħidu li, kif inhu, in-nagħġa u l-ħatar tar-ragħaj f’idu, ix-xena bħal donnha tieħu ritratt ta’ Ġesù eżatt qiegħed jgħid: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10, 11).
Kapitlu 10 ta’ San Ġwann huwa kontinwazzjoni ta’ kapitlu 9 li nqara fir-Raba’ Ħadd tar-Randan meta, bi preparazzjoni għall-magħmudija, iltqajna ma’ Ġesù bħala d-Dawl veru li jagħti d-dawl fiżiku lil raġel agħma minn twelidu u d-dramm sħiħ minħabba li dan il-miraklu jseħħ f’jum is-Sibt; dramm li jilħaq il-quċċata tiegħu meta l-imfejjaq jikseb ukoll id-dawl tal-fidi permezz tal-istqarrija ta’ twemminu f’Bin il-bniedem. Wara din ix-xena tal-imfejjaq li jinżel jadura lil Kristu, id-dramm ikompli b’dibattitu mal-Fariżej li raw din ix-xena, u jkompli jiżvolġi fid-diskors ta’ kapitlu 10.
Bil-ħarsa ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb fuqek, x’se tagħżel li tkun: fariżew li minkejja li jaf x’inhu d-dawl tal-verità jagħżel li jibqa’ ’l bogħod, jew bħall-imfejjaq li jagħżel li jadura u jsib postu mħaddan mill-Mulej, bl-istess mod kif l-Iben huwa fi ħdan il-Missier (ara Ġw 1, 18)?