Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni.

Salm 23, 1-3a

Waħda mill-pitturi li l-iktar jispikkaw fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara hija bla dubju dik tar-Ragħaj it-Tajjeb, xogħol Giuseppe Calì. F’din il-knisja nsibu wkoll il-pittura titulari li hi tal-Calì u li tirrappreżenta lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Hija din it-tieni pittura li saret proprju għall-parroċċa—oriġinarjament għall-knisja parrokkjali l-antika li waqgħet bil-gwerra.

Il-pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb proprjament tpittret għall-kappella tal-Isptar Navali ta’ Bighi, mibni fuq il-promontorji ċentrali tar-raħal pittoresk tal-Kalkara, imkennen bejn il-ponta li fuqha hemm il-Forti Rikażli, fuq naħa, u l-Birgu, il-Belt Rebbieħa, fuq in-naħa l-oħra. Minn jaf kemm suldati mir-Renju Unit u Maltin li kienu jaħdmu mal-Ingliżi sabu kura u kenn f’dan l-isptar, b’mod partikolari fi żmien ta’ gwerra. U allura s-suġġett tar-Ragħaj it-Tajjeb bla dubju kien tassew addattat sabiex joffri faraġ u kenn lil min tant kien jeħtieġhom. Anke t-tonalitajiet naturali u ċari li juża l-artist ikomplu jenfasizzaw dan is-sens ta’ serenità u kalma. Tassew joqgħod tajjeb (għalkemm xi ftit meħud barra mill-kuntest tiegħu) il-kliem li juża s-Salmista li kiteb dwar Alla bħala r-ragħaj tiegħu: “Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodna” (Salm 23, 2b).

Din il-pittura sabet ruħha fil-knisja parrokkjali tal-Kalkara meta, f’Settembru tal-1970, għalaq l-isptar ta’ Bighi u Surgeon Captain C. L. T. McClintock irregalaha lill-parroċċa flimkien ma’ altar u biljard kbira kollha magħmulha mill-injam. Din il-pittura, li tiġi għat-tond fin-naħa ta’ fuq, tpoġġiet fin-nava tax-xellug fejn għadha sal-lum, flimkien mal-altar irregalat li għal xi żmien kien jintuża fil-Kappella ta’ Wied Għammieq, il-Kalkara.

Issa li bdew il-ġranet sbieħ tar-rebbiegħa, nissuġġerilek li ssib ftit ħin biex tmur f’post viċin il-baħar u tħalli l-arja mielħa u r-riħa tal-baħar iddawrek. Ibqa’ fil-kwiet, u ħalli l-Mulej iħaddnek bil-ħniena u l-imħabba tiegħu sabiex jagħtik il-mistrieħ.