Il-Madonna ta’ Sibt il-Għid

Il-Ħames Riflessjoni dwar tad-Depożizzjoni ta’ Kristu fil-Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan

Is-skiet u l-mewt irrappreżentati fil-pittura tat-Tniżżil ta’ Kristu mis-Salib ipoġġuna xi ftit jew wisq fl-intermezz tas-skiet u l-baħħ ta’ Sibt il-Għid, li hu mudlam matul il-jum għax Kristu jinsab fost il-mejtin, imma mdawwal bil-lejl meta jitbierek in-nar il-ġdid li minnu jinxtegħel il-blandun, simbolu ta’ Kristu Rxoxt.

B’xi mod nistgħu ngħidu li hija l-pittura tal-qagħda tagħna l-Insara fl-istorja tal-umanità u tas-salvazzjoni, maqbudin bejn l-ewwel miġja ta’ Kristu li permezz tagħha seħħet il-fidwa u ż-żerniq ta’ Jum il-Mulej mimli bil-glorja tiegħu fejn iseħħ il-ġudizzju u t-tajbin jissieħbu anke f’ġisimhom fl-istess sebħ ta’ Kristu Rxoxt, ġisem u ruħ flimkien mill-ġdid.

Il-pożizzjoni tagħna maqbudin fit-taqbida—li nġarrbuha f’laħamna stess—bejn id-dlam u d-dawl, bejn is-sbuħija u l-kruha, bejn dak li hu sħiħ u dak li għadu mhuwiex komplut għal kollox, tpoġġilna kontinwament quddiemna għażla: se ninħela niġri wara r-riħ tas-sbuħija fiergħa tad-dinja, jew se nitwaħħad mas-sbuħija kiefra kollha mħabba tas-salib?

Fl-ittra pastorali għall-Knisja Ambrosjana fis-sena tal-Ġublew tas-sena 2000, La Madonna del Sabato Santo, il-Kardinal Carlo Maria Martini jiddeskrivi ż-żmien ta’ issa b’dan il-mod:

Id-dawl tal-Irxoxt, li jaraw l-għajnejn tal-fidi, għadhom jitħalltu mad-dell tal-mewt. Aħna diġà salvi bil-fidi u bit-tama (Rum 8, 24), diġà rxuxtajna ma’ Ġesù fil-magħmudija fejn jidħol il-bniedem interjuri, imma il-kundizzjoni esterna tagħna tibqa’ marbuta mat-tbatija, mal-mard u tixjin. Id-dnub diġà ntrebaħ mill-qawwa tiegħu li jeqred imma xorta waħda jibqa’ jindiehes f’għadd bla qies ta’ sitwazzjonijiet umani u jimla b’uħux l-istorja. Il-foqra huma mgħaffġin, il-kburin minn fuq, dawk ta’ qalbhom ħelwa ddisprezzati.

Carlo Maria Martini, La Madonna del Sabato Santo: Lettera pastorale per l’anno 2000-2001, 6 ta’ Awwissu 2000.

Iżda fl-istess ittra jipproponi l-ħarsa ta’ Marija bħala l-mod kif jeħtieġ ngħixu f’dan iż-żmien tal-Għid xorta waħda mmarkat mir-realtà tal-mewt u d-dnub:

Fis-Sibt tad-delużjoni inti l-Omm tat-tama u tiksbilna l-“faraġ tal-qalb.” X’tgħidilna iżjed, o Marija, mis-skiet li jgeżwrek? Nisimgħek itenni, bħal donnu tnehida, il-kliem ta’ Ibnek: “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21, 19).

Martini, La Madonna del Sabato Santo

Hekk kif tħares, probabbilment mil-lenti tal-Għid, lejn din il-pittura f’din l-aħħar riflessjoni, poġġi lilek innifsek flok Marija u itlobha li tgħix fl-istess qagħda tagħha: qagħda ta’ tama, stennija, perseveranza, attenzjoni u mħabba minkejja li mhux dejjem tifhem jew tagħmel sens minn dak li jkun qed jiġri.