Il-Glorja Fiddiena tal-Mewt

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar tad-Depożizzjoni ta’ Kristu ta’ fil-Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan

Wara li tajna ħarsa lejn il-personaġġi ‘ħajjin’ tax-xena, issa jifdal li nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq il-figura ċentrali li magħha jdur il-moviment kollu—kemm tal-folla taħt il-linja djagonali u kif ukoll l-iswed u l-vojt ta’ fuq—jiġifieri l-ġisem mejjet ta’ Ġesù. Il-lewn griż narawh f’pitturi oħra ta’ Preti u l-bottega tiegħu, bħal pereżempju fil-miraklu tal-Fejqan ta’ missier Publju, li nsibu fil-kor tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina. Huwa l-griż tal-ġisem mejjet li joħroġ b’qawwa r-realtà tal-mewt, f’kuntrast mal-karnaġġjon naturali tal-figuri l-oħra u d-dlam li jiddomina l-parti ta’ fuq.

Fl-istess waqt, qalb dik is-swidija kollha hemm bħal donnu xaqq ta’ dawl fis-sħab li permezz tiegħu l-katavru jidher donnu lewn il-fidda. Bħal donnu l-artist, barra l-konkretezza tal-mewt ta’ Kristu bħala xi ħaġa ta’ vera u mhux biss taparsi jew reċta, xorta waħda jrid juri l-glorja mistura tal-Iben ta’ Alla li xejjen lilu nnifsu daqshekk. L-istess ħaġa hija murija lilna wkoll mill-figura ta’ Kristu li, għalkemm ġarrbet dik it-tbatija kollha, xorta waħda hija figura mmuskolata u mimlija saħħa.

“Id-dinja se ssalvaha s-sbuħija,” jistqarr Fyodor Dostoevsky fir-rumanz L-Idjota permezz tal-karattru ewlieni l-Prinċep Myskin. U din l-istqarrija sseħħ fil-kuntest ta’ deskrizzjoni tal-pittura ta’ Kristu mqiegħed fil-qabar, xogħol Hans Holbein fis-seklu sittax, li l-Prinċep (u anke Dostoevsky) jara f’mużew tal-arti f’Basel, fl-Iżvizzera. Din il-pitturi turi b’mod mill-iktar spettakolari l-waħx tal-mewt. U, għalkemm f’din il-pittura jara kważi sfida għall-bniedem biex jibqa’ jemmen, fl-istess waqt hemm jara s-sbuħija tal-imħabba tal-Imsallab li permezz tagħha nfdiet id-dinja.

X’tara meta tħares lejn il-mera? Mewt jew ħajja? Ġmiel jew kruha? Potenzjal jew falliment? Faħam jew fidda? Forsi flok lejn il-mera jkun aħjar jekk tħares lejn il-Kurċifiss u, bħal donnok f’mera, tara x-xbieha ta’ Kristu fil-qalba ta’ ruħek u li fuqha inti minqux— dak Kristu li fih jagħmel sinteżi ta’ dawn l-estremitajiet u jrid jagħmilha fik ukoll biex isalvak, jekk inti tħallih.