Ix-Xehba tal-Mewt ta’ Missier Publju

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Fejqan ta’ Missier Publju fil-Katidral tal-Imdina

Mattia Preti f’dan ix-xogħol jagħmel distinzjoni fil-lewn tal-karnaġġjon bejn dawk li huma f’saħħithom u dak li hu marid. Kważi kważi nistgħu ngħidu li hija distinzjoni bejn il-ħajjin u dak li diġà għandu l-lewn tiegħu jagħti fil-griż tal-mewt. San Luqa jfissrilna li, meta Publju laqagħhom għandu, missieru kien marid bid-deni u d-disenterija. Il-kelma disenterija hija prattikament kelma mislufa mit-terminu Grieg δυσεντερία (dusenteria) li juża Luqa, li litteralment tfisser li l-imsaren ma kinux qed jiffunzjonaw sew. Fil-fatt, id-disenterija hija infezzjoni fl-imsaren li tista’ tkun kkawżati minn raġunijiet differenti u marbuta ma’ ikel jew xorb ikkontaminat jew teħid tal-marda minn persuna oħra. Fost l-oħrajn, din il-kundizzjoni medika tikkawża emorraġija interna hekk li l-individwu jibda jipporga d-demm. Hu minħabba f’hekk li Saydon jittraduċi disenterija bħala “sabb id-demm.”

Kienet x’kienet il-kundizzjoni medika tal-pazjent, jidher li l-qagħda tiegħu kienet kritika u, fin-nuqqas tal-għarfien mediku tal-lum, missier Publju kien qiegħed jilgħabha mal-mewt. Imma l-idejn mifruxa ta’ Pawlu u l-ħarsa lejn is-sema jerġgħu jroddulu ħajtu mill-ġdid. Huwa l-istess passaġġ mill-mewt għall-ħajja tas-sagramenti tal-Magħmudija u tar-Rikonċiljazzjoni. U dan hu possibbli biss għax Kristu “rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna” (Isaija 53, 4).

B’xi mod nistgħu ngħidu li x-xehba (il-griż) tal-ġisem ta’ missier Publju huwa l-istess lewn ixheb ta’ Kristu waqt il-passjoni jew mejjet f’pitturi oħra ta’ Preti jew tal-iskola tiegħu.

Ftit tal-jiem ilu bdejna ż-Żmien tar-Randan, żmien li fih aħna wkoll niġu mistiedna nfakkru u nerġgħu ngħixu mill-ġdid il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja tal-magħmudija, imma din id-darba permezz ta’ għarfien tal-ħtieġa ta’ konverżjoni kontinwa u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Għalhekk huwa żmien ta’ fejqan, opportunità biex nibdew mill-ġdid.

X’qed ixieheb lil ruħek hekk jagħmilha iktar mejta milli ħajja? Lest li tħalli l-Mulej imissek sabiex tinħeles minn dak li qed iżommok mitluq u marbut?