San Luqa, in-narratur tal-ġrajja tiegħu stess

It-Tielet Riflessjoni dwar il-Fejqan ta’ Missier Publju fil-Katidral tal-Imdina

F’dan il-kapulavur ta’ Mattija Preti li bih hu mżejjen il-Katidral Metropolitan tagħna nsibu ħafna figuri. Imma waħda li qajla tispikka, proprju għax qiegħda fl-isfond, hija l-figura ta’ Luqa mgħawweġ u qed jikteb. Għalkemm ma nsibu l-ebda dettall dwar l-identità tal-awtur, nafu li t-Tielet Evanġelju u l-Atti tal-Appostli huma prattikament rakkont kontinwu fuq żewġ volumi indirizzati lil ċertu Teofilu, fejn tal-ewwel jagħlaq bit-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema u l-wegħda tad-don tal-Ispirtu, u t-tieni jibda proprju bl-istess xena. Fil-fatt, l-Atti tal-Appostli jiftaħ proprju b’dan il-kliem:

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel. Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha”, qalilhom, “smajtu x’kont għedtilkom. Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.”

Atti tal-Appostli 1, 1-5

Mill-ittri ta’ San Pawl nafu li Luqa, li lilu hi attribwita din l-opra letterarja ispirata, kien sieħeb ta’ Pawlu fil-ħidma tiegħu. Interessanti wkoll il-fatt li r-rakkont tal-maltempata u n-nawfraġju f’Malta hu miktub fl-ewwel persuna singulari, hekk li l-awtur jagħtina x’nifhmu li hu kien qed jassisti lil Pawlu f’dan il-vjaġġ, probabbilment bħala ‘turista’ imma mhux bħala priġunier. San Luqa huwa ħaġa waħda mal-emozzjonijiet imġarrba minn dawk kollha li kien hemm fuq il-ġifen. U, għalkemm hija xi ftit stramba li ma jagħtina l-ebda dettall ta’ xi ħidma li Pawlu seta’ wettaq meta kien fostna, fl-aħħar jikkonstata li l-Maltin “urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu” (Atti 28, 10). Dan jagħtina x’nifhmu li Pawlu, imsieħeb minn Luqa, ma baqgħax idejh fuq żaqqu imma wassal lill-Maltin għal dik l-istess ġenerożità li biha Ġesù bagħat lit-Tnax iduru l-irħula qablu:

“Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”

Mattew 10, 8

Hemm modi differenti kif wieħed jirrakkonta ġrajja. Imma l-mod kif il-ġrajja tiġi rrakkuntata jagħmel differenza, mhux biss fil-kredibbiltà imma wkoll fl-entużjażmu li bih is-semmiegħa jitkebbsu u l-kurżità li titqanqal fihom. Il-ġrajja ta’ Pawlu f’Malta mhijiex irrakkuntata min xi ħadd li sempliċiment qed jagħtina kronaka storika, imma bħala xi ħadd li għex esperjenza qawwija. Kif inhu l-mod li bih tirrakkonta l-ġrajja ta’ ħajtek? Teħel biss mal-fatti krudi? Jew għandek għajnejn li bħal ta’ San Luqa jaraw iktar fil-fond hekk li kapaċi jagħrfu s-saba’ tal-providenza ta’ Alla anke qalb il-burraxki?