“Tassew li dan bniedem ġust!”

Il-Ħames Riflessjoni dwar il-Fejqan ta’ Missier Publju fil-Katidral tal-Imdina

L-aħħar figura li se nirriflettu dwarha mill-pittura li nsibu fil-kor tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina hija proprju l-figura ta’ Publju. Fl-ewwel riflessjoni dwar din il-pittura li tirrappreżenta l-fejqan ta’ missier il-ħakem tal-gżira diġà rajna x’kien l-irwol politiku tiegħu. Rigward ir-rwol tiegħu wara l-laqgħa ma’ Pawlu nkiteb ħafna u f’din il-meditazzjoni mhuwiex il-lok li nidħlu fil-kwistjoni. Biss, nagħmlu tajjeb li nosservaw il-figura ta’ Publju hekk kif jimmaġinaha u jpittirha Preti.

Jiddomina fost il-figuri l-oħrajn kollha fuq ix-xellug tal-kwadru u mlibbes b’ilbies għani, Publju qiegħed iħares imħasseb lejn missieru, konxju mis-serjetà tas-sitwazzjoni. Xi ftit forsi wkoll ma jafx x’qed jiġri eżatt meta Pawlu jieħu l-inizjattiva li jidħol ħdejh, jgħid talba, u jqiegħed idejh fuqu. Il-ħarsa turi li għadna f’dan il-punt tal-ġrajja, eżatt qabel ma jseħħ il-miraklu.

Il-ħars tal-figuri ewlenin bħal donnu jifforma żigużajg li jagħti lejn is-sema: Publju jħares lejn missieru; missieru jħares lejn Pawlu li prattikament kien l-aħħar tama tiegħu minkejja li ma kienx jaf min kien dan il-mistieden ta’ ibnu; Pawlu b’ħarstu lejn is-sema, lejn is-sors minn fejn il-qawwa tal-fejqan setgħet tiġi.

Publju jidher li kien raġel responsabbli u b’qalb kbira biex kien lest jilqa’ għandu lil dawk in-nies kollha għal ftit jiem. Imma fuqu kien għadu ma iddiex id-dawl tal-fidi. U għalhekk nistħajjel li, quddiem dan il-miraklu, Publju jgħaddi xi ftit mill-esperjenza li ċ-ċenturjun għaddha minnha taħt is-Salib skont ma jirrakkuntalna San Luqa stess:

Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!”

Luqa 23, 47

Il-qagħda soċjali ta’ Publju kienet waħda għolja. Imma l-figuri l-oħra li raw l-istess ġrajja sseħħ żgur li kienu minn qagħdiet soċjali oħra, kif jixhdu l-ilbies u l-pożizzjonijiet. Pawlu nnifsu kien priġunier. Hi x’inhi l-qagħda soċjali tiegħek, sew jekk għolja u sew jekk baxxa, tista’ tkun ħajt li żżommok milli bl-umiltà tistqarr li Alla—mhux biss dejjem imma f’mumenti partikolari b’mod speċjali—daħal f’ħajtek u fetaħlek għajnejk biex tagħraf min tassew hu għalik. F’dan iż-żmien tar-Randan, ħalli lil Publju jimxi miegħek sabiex miegħu tgħaddi minn din l-esperjenza ta’ għarfien ġdid ta’ min għandu jkun Kristu għalik fil-ħajja tiegħek.