Niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ Ħamiema

It-Tielet Riflessjoni dwar is-Soprakwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Valletta

Għax int kont għajnuna għalija,

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi,

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Salm 63, 8-9

Meta nħarsu lejn dan is-soprakwadru—u kull rappreżentazzjoni oħra tat-Trinità—iqumu sensiela ta’ mistoqsija: Nistgħu nagħmlu rappreżentazzjonijiet tat-Trinità Qaddisa? Ma tiġix kuntrarja għat-tagħlim tat-Testment il-Qadim li tagħmel xbihat ta’ Alla? Kif nirrapprezentawhom dejjem bħala figura umana lil Ġesù, figura ta’ raġel anzjan lill-Missier Etern, u ħamiema lill-Ispirtu s-Santu?

Id-dokumenti tal-maġisteru tal-Knisja li jidħol l-iktar fid-dettall f’dawn il-kwistjonijiet huwa l-Ittra Sollicitudini Nostrae  tal-Papa Benedittu XIV, maħruġa fis-sena 1745. L-ewwel nett, il-Papa jikkjarifika li, iva, nistgħu nagħmlu xbihat tat-Trinità, imma hemm kriterji li jeħtieġ jiġu mħarsa, b’mod partikolari s-sħuħija ta’ dak li t-Tradizzjoni wasslitilna dwar in-natura tal-persuni distinti tat-Trinità u kif ukoll l-għaqda tagħhom flimkien. U dawn ix-xbihat jistgħu jsiru għax Alla għażel li juri ruħu f’okkażjonijiet differenti, kif insibu fl-Iskrittura, u, għaldaqstant il-mod kif jiġu rrappreżentati l-persuni jrid ikun jaqbel ma’ dak li nsibu f’dawn il-viżjonijiet jew apparizzjonijiet.

Aħna u niċċelebraw Għid il-Ħamsin, tajjeb li nieqfu ftit fuq ir-rappreżentazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. L-imsemmi dokument, f’paragrafu 34, jiċħad kategorikament li l-Ispirtu s-Santu jista’ qatt jiġi rrappreżentat f’forma umana, u dan għaliex fl-Iskrittura nsibu żewġ rappreżentazzjonijiet biss (u dawn biss huma leċiti): il-ħamiema fil-magħmudija tal-Mulej, u l-ilsna tan-nar f’Għid il-Ħamsin skont ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli. Il-ħamiema hija wkoll reminixxenti tar-rakkont tad-dulluvju universali, fejn Noè jitlaq ħamima li tiġi lura b’fergħa bħala sinjal li l-art nixfet (Ġen 8, 10-11). Il-ħamima fit-tagħlim ta’ Ġesù hija wkoll simbolu tas-safa, meta jgħid: “Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10, 16).

Inti u tħares lejn din ix-xbieha, ħalli ġwenħajn l-Ispirtu jinfirxu fuqek bl-istess mod li huma mifruxa fuq iż-żewġ persuni l-oħra tat-Trinità Qaddisa, u itolbu li jdawwal lil ħajtek sabiex il-preżenza tat-Trinità tkun tassew tgħammar fik hekk li minnek ukoll jiddi dan id-dawl fuq wiċċ kull min tiltaqa’ miegħu.