Nersqu b’qalbna qawwija lejn it-Tron tal-Grazzja

It-Tieni Riflessjoni dwar is-Soprakwadru tat-Trinità Qaddisa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Valletta

Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Lhud 4, 14-16

Aħna u nikkontemplaw il-misteru tat-Trinità Qaddisa permezz tal-Pittura li nsibu fil-Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta, nistgħu nazzardaw ngħidu li b’xi mod għandna stampa li, fir-restrizzjonijiet tad-dimensjonijiet tat-tila, tqarreb lejn ir-rappreżentazzjonijiet tat-Trinità msejħin tat-Tron tal-Grazzja. Id-differenza hi li flok għandna l-Missier iżomm il-kurċifiss li miegħu hemm mislub l-Iben, hawn għandna lill-Missier fil-qagħda tal-Pietà, bil-ġisem bla ħajja tal-Iben f’ħoġru. Bħal donnu l-Missier, bil-ħares ’il barra fissa f’għajnejn l-ispettatur, qiegħed juri l-prezz li kellu jitħallas sabiex aħna nerġgħu nitħabbu ma’ Alla mill-ġdid wara li rribellajna kontrieh għax ridna nkunu allat minkejja li diġà maħluqin xbieha tiegħu u msejħin biex insiru bħalu. Fl-istess waqt, f’dik il-ħarsa hemm ukoll stedina biex “nersqu … b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu” (Lhud 4, 16).

U fit-tqegħid ta’ dan ix-xogħol ta’ Preti mal-pittura tal-istess artist li tirrappreżenta lill-Evanġelista San Luqa, nistgħu wkoll naraw l-aħħar kliem li jlissen Kristu fl-Evanġelju skont San Luqa qabel imut: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46). Permezz tal-umanità li ħa fuqu l-Iben, isir possibbli għat-Trinità li tgħaddi mill-esperjenza tal-mewt: l-Iben li jsib ruħu fil-mewt; il-Missier li jġarrab ‘id-distakk’ ta’ Ibnu biex f’dan il-wisa’, imdawwal u miżmum imkebbes mill-Ispirtu s-Santu, il-ħolqien kollu jista’ jiġi mifdi u mħaddan.

Xi prezz lest li tħallas sabiex tħabbrek għas-salvazzjoni tal-erwieħ? Kemm lest tissagrifika minnek innifsek, mill-kumdità tiegħek, u minn dak li hu ‘tiegħek’ sabiex ħuk bħalek iġarrab it-tħaddina tal-Missier murija lilna fis-salib tal-Iben bil-qawwa tal-Ispirtu li jaħdem fina?