Kun Fostna, Alla Wieħed fi Tliet Persuni
L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tad-Difensuri tal-Ewkaristija, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
F’dan ix-xahar fejn fih fakkarna festi b’rabta Ewkaristika, se nkomplu nidħlu f’dil-kontemplazzjoni ta’ dan il-misteru permezz tal-Arazzi tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann billi nħarsu lejn ir-rappreżentazzjoni allegorika tad-Difensuri tal-Ewkaristija.
F’din ix-xena naraw il-ġerarkija tal-Knisja Kattolika mdawra mal-Ewkaristija. Nistgħu ngħidu li ċ-ċentru tax-xena huwa proprju l-isfera bl-Ewkaristija mpoġġija fiha f’nofs altar u tixgħel bid-dija. Fuq l-Ewkaristija eżatt naraw ħamiema, simbolu tal-Ispirtu s-Santu, u l-Missier Etern iħares ’l isfel minn qalb is-sħab.
Minn qalb dan id-dawl u s-sħab, nistgħu ngħidu li permezz tal-Ewkaristija tinfetħilna tieqa fuq il-misteru tat-Trinità. Tinfetħilna tieqa mhux għax nifhmu l-misteru muri lilna tal-persuni tat-Trinità fid-distinzjoni u l-għaqda tagħhom imma għax Alla jsir aċċessibbli għalina: permezz tal-umanità ta’ Kristu offruta lilna bħala ħobż, Alla jgħammar fina u aħna f’Alla. Mhux ta’ b’xejn li fid-diskors tiegħu dwar il-ħobż tal-ħajja fl-Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù jgħid hekk:
“Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”
Ġwanni 6, 55-58
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Sacramentum Caritatis, il-Papa Benedittu XVI jikteb hekk dwar ir-rabta li hemm bejn l-Ewkaristija u t-Trinità Qaddisa:
L-Ewkaristija turina il-pjan ta’ mħabba li jiggwida l-istorja kollha tas-salvazzjoni (ara Ef 1, 10; 3, 8-11). Fiha Alla Trinità, li fih innifsu hu mħabba (ara1 Ġw 4, 7-8), isir ħaġa waħda mal-kundizzjoni umana tagħna. Fil-ħobż u l-inbid, li taħt id-dehra tagħhom Kristu jagħtina lilu nnifsu fl-ikla tal-Għid (araLq 22, 14-20;1 Kor 11, 23-26), hija l-ħajja sħiħa ta’ Alla li tiġi tiltaqa’ magħna u tissieħeb magħna sagramentalment. … Il-Knisja tilqa’, tiċċelebra, u tqim dan id-don b’ubbidjenza kollha fedeltà. Il-“misteru tal-fidi” hu għalhekk misteru tal-imħabba trinitarja, misteru li bi grazzja aħna msejħin biex nieħdu sehem fih. Għaldaqstant, aħna wkoll jeħtieġ li flimkien ma’ Santu Wistin nesklamaw: “Jekk tara l-imħabba, tara t-Trinità” (De Trinitate, 8.8.12: CCL 50.287).
Benedittu XVI, Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Sacramentum Caritatis, par 8.
B’din il-konvinzjoni, ħalli ’l qalbek tinxteħet biex tqim lil Alla Trinità moħbi taħt dan il-ftit dqiq magħġun u moħmi li fuqu s-saċerdot tenna l-kliem tal-konsagrazzjoni, u emmen: emmen li qed tħares f’wiċċ Alla minkejja li hu moħbi u mistur, u ħalli tfur minnek il-qima li għaliha twassalna l-fidi.