Id-Difensuri tal-Ewkaristija

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tad-Difensuri tal-Ewkaristija, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Iktar ma tibda ħiereġ ’il barra milli tiffoka fuq iċ-ċentru, fix-xena jibdew deħlin kuntest u personaġġi differenti. Barra mill-anġli li jokkupaw l-ispazju bejn it-Trinità u l-bqija tal-personaġġi—li f’idejhom qed iżommu  kotba b’siltiet mill-Iskrittura dwar l-Ewkaristija—fuq kull naħa tal-altar insibu għadd ta’ personaġġi minn epoki differenti imma li din ir-rappreżentazzjoni allegorika tiġborhom flimkien bħal donnhom il-missirijiet tal-Konċilju ta’ Trentu li tul is-sekli ddefendew il-preżenza reali tal-Ewkaristija kontra d-duttrina ta’ Luteru.

Peter Paul Rubens, Id-Disputa tas-Sagrament Imqaddes

Biex naslu li nidentifikaw xi wħud minn dawn il-figuri jeħtieġ li nħarsu lejn il-pittura ta’ Peter Paul Rubens magħrufa bħala Id-Disputa tas-Sagrament Imqaddes li tpittret fl-1609 għall-Knisja ta’ San Pawl f’Antwerp, il-Belġju, u li fuqha hu mfassal dan l-arazz. F’din ix-xena l-figuri huma inqas fil-għadd u iktar distinti. U għalhekk, jekk nibdew mix-xellug tal-arazz, nistgħu ngħidu li ż-żewġ figuri libsin ta’ isqfijiet huma Santu Wistin u San Ambroġ, dutturi tal-Knisja, li jidhru jitħaddtu bejniethom. Fiċ-ċentru, taħt l-altar, insibu lil San Ġrolmu u lil San Tumas ta’ Aquino jiddiskuti taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu u f’adorazzjoni lejn is-Sagrament espost fuq l-altar. Wara San Tumas insibu figura ta’ kardinal, probabbilment San Bonaventura, li qiegħed jitħaddet ma’ patri Franġiskan.

Iktar fil-fond, wara l-altar, insibu papa li jista’ jkun li hu Urbanu IV, dak li waqqaf il-festa ta’ Corpus Domini. Il-preżenza ta’ figura petrina f’din ix-xena tikkuntrasta mar-ribeljoni ta’ Luteru fejn tidħol il-fidi Ewkaristika. Il-papa qiegħed ifesfes xi ħaġa lil patri warajh, forsi qed jissuġġerixxi li għandhom iqabbdu lil San Tumas biex jikteb it-talb liturġiku għall-festa ta’ Corpus.

Fl-arazz, flimkien ma’ dawn il-figuri distinti, hemm ukoll il-preżenza ta’ saċerdoti, patrijiet u rhieb. Dan ma kienx biss tweġiba għad-diversi forom ta’ anti-klerikaliżmu konsegwenza tar-Riforma, imma għax huwa permezz ta’ dawn il-ministri sempliċi li ta’ kuljum jiġi ċċelebrat u jista’ jitqiem dan is-Sagrament.

Min huma dawk li permezz tagħhom jitwassallek dan id-don mis-sema? Ftakar fis-saċerdoti tal-parroċċa tiegħek li, irrispettivament mill-istramberija u d-dgħufija umana tagħhom, permezz tagħhom inti tista’ tieħu sehem fl-Ewkaristija. Jekk inti maqful ġo darek, ftakar ukoll f’dawk il-lajċi li permezz tagħhom titwassallek l-Ewkaristija bħala faraġ u konfort fil-mard u s-solitudni tiegħek. Ftakar fihom u, qabel kollox, rodd ħajr lil Alla tagħhom u itlob għalihom.