It-3.00 a.m. Erġajt stenbaħt minħabba fis-sħana tikwi li tħoss idejha jduru ma’ għonqok bħal morsa sabiex jifgawk … Is-sajf: m’hemmx x’tagħmel! Qomt mis-sodda u, bit-tama li forsi nħoss imqar daqsxejn żiffa ħelwa ħalli nistaħja, ftaħt it-tieqa tal-kamra tal-banju bit-tama li tidħol fewga ċkejkna ta’ arja ftit iktar friska li f’dit-temperatura tad-deżert u d-dlam tal-lejl bħal donnha tkun sinjal tal-preżenza ta’ Alla, kif ġarrab Elija fuq il-Ħoreb wara n-nar. Imma xejn! Sħana donnha tiela’ mill-qigħan ta’ nar l-infern, u lanqas ċaqlieqa … xejn għajr skiet il-lejl. U madankollu Alla hemmhekk kien u hawnhekk hu.
Fit-traduzzjoni bil-Malti ta’ dan ir-rakkont, insibu li, wara li mexa bla heda għal erbgħin jum u erbgħin lejl sakemm wasal fuq il-muntanja tal-Mulej, Elija m’għarafx il-preżenza ta’ Alla fir-riħ qawwi, fit-theżżiż, jew fin-nar, imma fiż-“żiffa ħelwa” hekk li, “kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar” (1 Slat 19, 12-13). Interessanti ħafna l-frażi li l-awtur tal-Ewwel Ktieb tas-Slaten juża biex jesprimi dak li esperjenza Elija fil-laqgħa ‘wiċċ imb wiċċ’ mal-Mulej: qol demamah daqqah. It-traduzzjonijiet huma varji. Saydon juża l-espressjoni “żiffa ħafifa,” li prattikament tfisser l-istess bħat-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika. Bl-Ingliż, il-Jerusalem Bible tuża “a light murmuring sound,” filwaqt li n-New Revised Standard Version tuża “a sound of sheer silence,” u l-verżjoni tal-Konferenza Episkopali Taljana tuża “il sussurro di una brezza leggera.”
Minkejja dawn il-varjazzjonijiet varji, jekk ikollna nagħmlu traduzzjoni litterali, il-Kardinal Gianfranco Ravasi jipproponi “una voce di silenzio sottile”—leħen is-skiet sottili. Prattikament hija frażi li qajla tagħmel sens, bħalma sħanet is-sajf insibuha bla sens. U bla sens ukoll li titkellem dwar is-skiet bil-lejl bil-ħsejjes ma jaqtgħux tal-istabbilimenti, il-baned u n-nar, ġimgħa wara l-oħra. Imma jekk nifhmu l-poeżija ta’ din il-frażi, imbagħad nifhmu kif proprju dan il-mument tas-skiet mill-iktar radikali—hekk radikali li l-vojt idamdam isir preżenza—kien għal Elija l-esperjenza per eċċellenza ta’ dak Alla li kien profeta tiegħu …
Għalaqt it-tieqa u ħassejt lil dak is-skiet igeżwirni u jħarisni flok jissoffokani, u bla sforz erġajt intlift fid-dinja tal-ħolm mill-ġdid … ħolm ta’ postijiet iktar friski … ħolm li jżomm imkebbsa l-fjamma tal-ħeġġa għal Alla kemm fl-iljieli mudlama u kif ukoll fin-nixfa tad-deżert tal-għada filgħodu u tal-kuljum tagħna li fih, qalb l-istorbju, qalbna trid tibqa’ tishar, tistenna li tisma’ s-skiet u tifhem li Hu ġie jiltaqa’ magħha mill-ġdid.