Kull meta nidħol f’xi fabbrika awtomatikament nibda ngħarrex u nħares lejn il-makkinarju li jkun hemm. U l-iktar li jisraqli l-attenzjoni mhuwiex il-makkinarju diġitali u tal-aħħar mudell. Tant imdorrijin b’dawn l-affarijiet madwarna anke d-dar li lanqas għadhom joħolqu stagħġeb. Imma nammetti li iktar iliehem l-immaġinazzjoni tiegħi u jħallimni l-makkinarju manwali u primittiv, goff imma fl-istess ħin robust. Xi ftit iġeddidli l-memorji ta’ perjodu qasir li għamilt naħdem fi stamperija li, minkejja li kellha makkinarju tal-aħħar teknoloġija, fit-taqsima fejn kont naħdem kien hemm il-makkinarju l-antik li lanqas jekk taqa’ bomba ħdejh ma kien iġarrab ħsara.

Dil-ġimgħa kelli impenn ġo fabbrika u, fil-ħin li qgħadt nistenna, bdejt inħuf u ndur madwar il-magni li mhumiex disposable imma, kif jgħidu bl-Ingliż, built to last! Smajt ħorn antik (jew kważi tromba) tad-dgħajjes u stħajjiltni qiegħed f’xi xena mill-film Titanic!Kien hemm ukoll għodda antika li għadha tintuża, tant li kellhom fuqhom il-fdalijiet tal-materjal li ġie mikul bi preċiżjoni liema bħala.

Imma l-iktar xbieha li baqgħet impressjonata f’moħħi hija dik li tidher fir-ritratt abbinat ma’ dan l-artiklu. Eżatt il-funzjoni ta’ dan l-inġenju ma nafx x’inhi—u probabbilment kieku staqsejt ma kontx nifhem xorta waħda. Imma ma stajtx naqla’ għajnejja minn dik ix-xbieha ta’ salib fuq wiċċ tal-ħadid imdawwar b’ħafna għafsiet mad-dawra kollha, bħal donnhom tiri ta’ pistola li ma laqtux il-mira mmarkata biċ-ċentru tas-salib …

Ma nafx għalfejn issaħħart daqshekk minn xena daqstant bla importanza f’post tax-xogħol li ma kienx tiegħi. Fl-istess waqt hu post tax-xogħol bħal kwalunkwe post tax-xogħol ieħor fejn jinġarru ħafna slaleb, kemm tat-tbatija tax-xogħol u kif ukoll dawk li jiġu mal-ħaddiema mid-dar u li jibqgħu jduru f’moħħhom matul il-ġurnata minkejja li l-problema qiegħda fiżikament ’il bogħod. Slaleb li nippruvaw nimmiraw biex nibdluhom f’qawmien u glorja imma spiss ma nġibuhiex żewġ. Slaleb li jtertquna meta nissallbu jew isallbuna magħhom. Slaleb li nħallu warajna x-xogħol sabiex l-għada nerġgħu nsibuhom ma’ wiċċna, eżatt fejn ħallejniehom, waqt li jibqgħu jduru tant oħrajn li ma jħalluniex niffukaw sew hekk li ma nimmirawx it-tiri sew …

Imma huwa wkoll salib imħaffer fil-wiċċ tal-ħadid: salib li hu spazju fejn nista’ nistkenn mit-tiri tal-ħajja … fejn nista’ niftaħ idejja u nħalli lil ħajti tieħu l-forma ta’ Dak li sar bniedem biex seta’ jieħu l-forma tagħna meta, quddiem il-ħajja, it-tbatija u l-esperjenza tal-vojt, niftħu jdejna beraħ bħal donna salib bit-tama li, flok ix-xejn, inkunu nistgħu nħaddnu soluzzjoni jew aħjar lil Dak li huwa l-kollox minkejja s-skiet tiegħu qalb l-istorbju tal-fabbrika tal-ħajja tagħna …