
Mara, il-fidi tiegħek kbira
L-Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla, int ħejjejt ġid li ma jidhirx għal dawk li jħobbuk: xerred fi qlubna l-ħlewwa ta’ mħabbtek, biex inħobbuk f’kollox u fuq kollox, u hekk niksbu l-ġid li wegħedtna, li hu aqwa milli nistgħu nixtiequ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Wara li l-Ħadd li għadda smajna lil Ġesù jċanfar lil Pietru għall-fidi żgħira tiegħu, illum nisimgħu lil Ġesù jfaħħar u jippremja lill-mara Kangħanija għall-fidi kbira tagħha.
Ġesù ħareġ barra mill-Galilija, żona Lhudija, u mar lejn Tir u Sidon, żewġt ibliet Feniċi magħrufa bħala f’reġjun pagan. Min-naħa tagħha, il-mara Kangħanija, hija wkoll ħarġet minn dawk l-inħawi. Il-fidi ta’ din l-omm qanqlitha biex toħroġ mit-territorju pagan sabiex tiltaqa’ ma’ Ġesù u titolbu jħenn għaliha. Tabilħaqq li hija kienet diġà semgħet dwar Ġesù u għarfet min Hu tant li ssejjaħlu, “Mulej!” għal tliet darbiet. Min minna ma jħossx il-ħtieġa li joħroġ mit-territorju pagan li spiss insibu ruħna fih meta nagħmlu għalina allat foloz? Illum nagħmlu l-qalb u nersqu lejn il-Mulej Ġesù bil-fidi u nitolbuh: “Ħenn għalina, Mulej!”
Fl-Evanġelji niltaqgħu ma’ Ġesù jagħti b’ġenerożità u juri kompassjoni ma’ kulħadd, u s-skiet tiegħu quddiem il-karba ta’ din l-omm u t-tweġiba tiegħu jistgħu jaħsduna: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” Id-dixxipli jriduh saħansitra jeħles minnha biex ma ddejjaqhomx tgħajjat warajhom. Imma din il-mara, umli, kuraġġuża u fiduċjuża, filwaqt li taqbel ma’ Ġesù tkompli tippersisti: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!” Quddiem is-skiet tal-Mulej, din il-mara ħarġet fid-deher it-teżor tal-fidi li kellha mistur f’qalbha.
Din il-mara Kangħanija hija mudell għalina. It-talb jinbet mill-fidi. Hija resqet lejn Ġesù b’fiduċja, inxteħtet quddiemu u talbitu bil-ħerqa kollha. Hija emmnet sa mill-bidu li Ġesù kellu s-setgħa li jgħinha. Meta nitolbu aħna nemmnu fl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla li jagħtina dak li neħtieġu f’waqtu?
Minkejja li Ġesù baqa’ sieket hi baqgħet tippersevera fit-talb. Kif tkun ir-reazzjoni tagħna meta l-Mulej jibqa’ sieket quddiem il-karba tagħna?
Il-mara Kangħanija kienet ukoll mara umli. Ma ħaditx għaliha meta Ġesù qabbel il-pagani mal-klieb, anzi aċċettat li ma kellhiex dritt tirċievi ħlief il-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Meta nitolbu nippretendu li l-Mulej jagħtina dak li rridu jew nilqgħu bil-ferħ u l-gratitudni dak li jogħġbu jagħtina?
Ġesù ġie biex iwassal l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla lill-bnedmin kollha. Din hi l-aħbar it-tajba li għandna nwasslu għand dawk ta’ madwarna imma l-ewwel jeħtieġ li nemmnuha aħna!
Talba
Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena.
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
(Salm 130, 1-2. 5)