Ma toħlomx bħali li dal-Milied tisma’ l-anġli jkantaw? Ma tixtiqhomx jgħannu bħalma għannew iktar minn elfejn sena ilu, “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” (Lq 2, 14)? U żgur li tixtieqhom. Imma taraha biss bħala ħolma fiergħa, xewqa fil-vojt, imwarrba b’ċiniċiżmu realista, tama frustrata. U jiġrilna hekk għax nafu biżżejjed li s-sliem fl-art ma jiddependix biss mill-għana tal-anġli. La jista’ jittenna fil-medda ta’ smewwiet li tiksi l-art fejn dewa dan l-għana f’dak il-lejl għażiż minħabba fil-kunflitti donnhom bla tmiem li jifnu dawk l-artijiet fil-Lvant, u lanqas fis-sema tagħna fil-Punent bil-paċi falza li ħloqna, paċi li tevita l-kunflitt għal kollox billi tħalli lil kulħadd jagħmel li jrid bl-iskuża tal-libertà—paċi tal-pożi u r-ritratti, paċi bla Alla.
Imma l-ħolma tibqa’ hemm. Jekk xejn għax nafu li tal-anqas ‘hemm fuq’, fl-ogħla smewwiet, f’riġlejn dak li Hu l-Ogħla, hemmhekk għadu jitkanta tifħir il-Mulej. Hawn isfel, dil-glorja m’għadhiex ta’ piż, saret wisq ħafifa. U dan mhux biss għax hi mżewqa b’għad ta’ kliem u aġġettivi li ma jgħollux u ma jagħtux ġieħ la lil min jirċevihom, la lil min jismagħhom, u wisq u wisq anqas lil min jgħidhom. Imma wkoll għax sirna nagħtu iktar glorja lilna nfusna. Iddikjarajna lil Alla bħala mejjet u għamilna allat minna nfusna bil-għajta tal-progress u tal-avvanzi fix-xjenza, it-teknoloġija, u l-intelliġenza artifiċjali, bħal donnu nħossuhom li daqt jagħmluna omnipotenti, omnipreżenti u immortali. . .
Imma xorta nibqa’ noħlom li nisimgħu dak l-għana ħlejju. U naf li ħolmti mhijiex fiergħa daqs kemm taħseb. Għax anke jekk b’widnejja dal-kant ma nisimgħux—ħlief forsi minn fomm ftit tfal u xjuħ bejn l-erba’ ħitan tal-knisja jew fuq xi radju fejn jindaqq sempliċiment għall-atmosfera—fil-qiegħ ta’ qalbi naf li din hi l-għanja ta’ mħabba li jgħanni Alla stess lilna l-bnedmin: għanja li elfejn sena ilu ġiet intunata minn bikja li kisret skiet il-lejl; għanja li għanniha b’ħajtu u b’mewtu stess fuq is-salib fejn dehret fl-aqwa tagħha l-glorja tas-sema u twettqet il-paċi fuq l-art; u għadha u tibqa’ titgħanna llum fi krib l-umanità u fid-duwa tal-fejqan imferra’ f’qalb il-bniedem bil-kliem, “Jiena naħfirlek,” u “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom.”
Però nibqa’ noħlom li nismagħha wkoll minn fomm l-anġli għax xhiedet l-anġli hi milqugħa mill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, mhux biss minna l-insara imma wkoll minn oħrajn li jistqarru twemmin ieħor, bit-tama li dawn ukoll jaslu għall-għarfien sħiħ tal-verità li hi Kristu, Alla magħmul bniedem bħalna.
U waqt li, bħal Ġesù Bambin imfisqi u mimdud f’maxtura hawn quddiemi, se nimtedd u nagħlaq għajnejja, f’widnejja ġa qed nisma’ dan l-għana waqt li jbenninni biex nidħol f’art il-ħolm sabiħ, il-ħolma ta’ Alla għas-salvazzjoni tad-dinja kollha …