Ħafna jarawha stramba meta jaraw lis-saċerdot ħiereġ iqaddes il-quddiesa bil-pjaneta ta’ kulur roża, għaliex dan il-kulur jintuża darbtejn biss fis-sena: darba fl-Avvent u darba fir-Randan. Il-kulur roża, liturġikament, hu kulur li jikkomunika sens ta’ ferħ u tama. Fl-Avvent dan il-kulur jintuża fit-Tielet Ħadd li hu msejjaħ Gaudete. Din il-kelma tfisser “Ferħ.” Fil-bidu tal-Avvent, it-talb tal-quddies jirreferi għall-Mulej li ġej, imma mit-Tielet Ħadd ’il quddiem, it-talb liturġiku jiffoka fuq il-fatt li l-miġja tal-Mulej hi viċin.

Din it-tema tal-ferħ u l-isem ta’ dan il-Ħadd tal-Avvent bħala Gaudete ġejjin mill-kliem li bih tiftaħ iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa permezz tal-antifona tad-dħul: “Gaudete in Domino semper: iterum dico, Gaudete. Dominus enim prope est.” Bil-Malti dan il-kliem ifisser “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-Mulej qorob.” Il-kliem tal-din l-antifona hu meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Filippin (4, 4). Fil-fatt, fit-Tieni Qari tat-Tielet Ħadd tal-Avvent nisimgħu lil San Pawl jgħidilna: “ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù” (1 Tess 5, 16-17). Jalla tassew infittxu li l-ferħ tagħna jkun imsejjes fuq l-għażla tar-rieda ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu f’kollox!