Wasal l-Avvent mill-ġdid! Jgħaddi żmien. Sena lanqas tkun taf kif tgerbeb, u tifrex it-tapit għal sena liturġika oħra—din is-sena jmiss iċ-ċiklu tas-Sena B, tal-Evanġelju skont San Mark. Jista’ jkun bidu kwalunkwe bħal ħafna oħrajn qablu u oħrajn warajh. Imma jista’ wkoll ikun bidu deċiżiv, li jagħmel differenza u jħalli marka, li jgħaddi imma ma jintesiex. Ma jintesiex mhux f’sens nostalġiku imma bħal meta sseħħ laqgħa ta’ mħabba li la tħalli ’l ħajjitna l-istess u lanqas tistagħġna imma tibqa’ tikber u timmatura kuljum …

Anke l-Avvent għandu minn din id-dimensjoni tranżitorja taż-żmien li jgħaddi, taż-żmien maqbud bejn żewġ ġrajjiet, waħda passata—l-inżul ta’ Alla fostna bħala bniedem bħalna biex isalvana—u waħda ġejjiena—meta l-istess Mulej jerġa’ jiġi fis-sebħ kollu tiegħu biex iseħibna miegħu għal dejjem bir-ruħ u l-ġisem. Għalkemm din il-mogħdija taż-żmien mhijiex fil-kontroll tagħna, biex din l-istennija ma tkunx nostalġija frustrata u bla saħħa għall-futur imma tkun imħabba li dejjem titqanqal u tikber, jeħtieġ li nagħmlu għażla konxja li nwieġbu għall-istedina kollha mħabba tal-Mulej Ġesù li, f’dan iż-żmien maqbud bejn iż-żewġ miġjiet tiegħu, ma jehdiex jiġi fostna u jżurna b’ħafna modi siekta u spiss mistura, imma kostanti, bħas-sħana tal-imħabba li tfarraġ mir-reżħa ta’ barra u ddewweb il-ġlata tal-monotonija sabiex imħabbitna wkoll tkompli tikbes u titħeġġeġ ma’ kull jum li jgħaddi.

Din is-sena, il-Knisja tibda din il-mixja permezz ta’ profezija meħudha mit-tielet taqsima tal-Ktieb tal-Profeta Ġeremija fejn, fost l-oħra, l-awtur f’isem il-poplu jagħmel stqarrija ta’ ndiema u ta’ fidi:

Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,

li jitħarrek biex iżomm miegħek.

Għax int ħbejt wiċċek minna,

u rħejtna f’idejn ħżunijietna.

Madankollu, Mulej, int missierna;

aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;

aħna lkoll għemil idejk.

Isaija 64, 6-7

It-tafal: materjal malleabbli, li jista’ jintgħaġen u jingħata l-forma mingħajr ma tneħħi xejn mill-essenza tiegħu, u fl-istess waqt jinħema fil-forn ta’ nar qalil sabiex dik il-forma tibqa’ u jkun jista’ jintuża b’mod prattiku jew biex iżejjen. It-tafal: materjal li jżomm l-ilma kemm fil-forma naturali tiegħu meta jagħmel possibbli ħażniet ta’ ilma ġieri li jisqu l-art, il-bhejjem u l-bnedmin, u kif ukoll fil-forma solida tiegħu jekk jiġi miksi tajjeb. B’dan f’moħħna, kemm issir sabiħa t-talba: “aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk” (Is 64, 7). Sabiħa għax iġġedded fina x-xewqa li nkunu f’idejn il-Mulej mhux biss fil-mument tal-ħolqien imma ħajjitna kollha. Sabiħa għax, jekk tlifna l-forma jew ibbiesna xi ftit, Żmien l-Avvent jiġi kull sena biex jerġa’ jpoġġina f’idejn il-Mulej mill-ġdid ħalli jerġa’ jagħġinna u jaħmina fil-forn tal-qalb tiegħu … qalb tal-laħam li ħa meta sar wieħed minna … qalb li tħobb bl-imħabba ta’ Alla u bl-imħabba ta’ bniedem f’sintonija. Din tagħmel id-differenza kollha. Din biss!

Mingħajr din il-fiduċja ta’ tafal f’idejn il-fuħħari u mingħajr il-fidi f’fuħħari li sar tat-tafal bħalna sabiex joħroġ l-isbaħ forma minn kull wieħed u waħda minna, il-fidi tagħna tkun fiergħa … dawl iteptep u jpeċpeċ … tiżjin leqqien bla relevanza fil-konkret tal-ħajja tagħna … kalendarju tal-Avvent kollu ċikkulata li jintemm fil-25 ta’ Diċembru bla ma nafu eżatt għalfejn …