Dawk li jħobbu jisimgħu l-mużika klassika ċertament li xi darba jew oħra semgħu d-Dies Irae fil-quddiesa Requiem li kull kompożitur ta’ mużika sagra ikkompona f’mument jew ieħor tal-ħajja tiegħu. Dan l-innu, li oriġina fil-Medju Evu bħala parti mil-Liturġija tal-Funerali sar-riforma liturġika ta’ wara l-Konċilju Vatikan II, jitkellem dwar ir-realtà tal-mewt u l-ġudizzju f’termini li jqanqlu biża’ bil-għan li jwasslu għall-konverżjoni:

Jum ta’ biża’, jum ta’ qilla,

li fi rmied jibdel id-dinja;

jixhduh David u Sibilla.

.

Kif ikun kulħadd imriegħed

xħin għall-ħaqq jiġi l-Imħallef

bl-ikbar reqqa, bħalma wiegħed.

U l-kompożizzjonijiet mużikali polifoniċi u orkestrali, bħalma huma ta’ Mozart jew Verdi, ma jagħmlux għajb lill-kliem ta’ qilla ta’ dan l-innu, hekk li ma tridx tagħmel xi sforz kbir biex tħoss dehxa ma’ dahrek meta tisma’ l-qawwwa tal-vuċijiet u l-istrumenti u r-ritmi varjati li daqqa joħolqu sens ta’ biża’ u urġenza u daqqa jġagħluna nħossu toqol!

Illum dan l-innu jista’ jintuża b’mod volontarju waqt il-liturġija tas-sigħat fil-ġimgħa bejn is-Solennità ta’ Kristu Re u l-Ewwel Ħadd tal-Avvent li jagħti bidu għal sena liturġika ġdida. Kważi kważi tista’ tgħid li, minn innu li kien parti integrali u frekwenti tal-esperjenza tal-mewt fi ħdan il-komunità Nisranija, issa sab ruħu mitluf qalb il-paġni tal-brevjar f’idejn il-ftit, bħal donnu xi memorja tal-passat li jeħtieġ li titwarrab … għax, ngħiduha kif inhi, l-immaġni ta’ Alla li jippreżenta ma taqbilx mal-mod kif inħarsu lejn Alla li hu mħabba … Mhux hekk? Jew le?

Filwaqt li l-Knisja tippreżenta kultura ta’ ħajja f’kuntrast ma’ soċjetà maħkuma minn kultura ta’ mewt, fejn tidħol il-mewt innifisha s-soċjetà kontemporanja tipprova tlibbisha diversi maskri u make-up biex ma tintagħrafx hekk li, minn supplika kollha biża’ sabiex il-mejjet ma jiġix mitfugħ fl-infern, issa l-funeral sar ċelebrazzjoni tal-kanonizzazzjoni ta’ xi ħadd li diġà jinsab fil-preżenza ta’ Alla. Bilkemm il-funeral ma spiċċax irrelevanti ħlief forsi biex tiltaqa’ r-razza u r-radika.

Bħal dejjem, il-verità hija xi mkien fin-nofs. Veru, Alla huwa mħabba, imma min iħobb ma jaċċettax il-ħażen u jrid li min mhux jgħix skont id-dinjità tiegħu bħala bniedem jibdel ħajtu sabiex tassew ikun qiegħed jgħix u mhux biss jeżisti. Alla huwa misteru affaxximanti imma wkoll tremend—mysterium tremendum et fascinans—li ma nistgħux nieqfu quddiemu jekk ma jkunx hu li jqawwina. U, iva, waqt il-funeral aħna ma nagħtux ġieħ lill-persuna mejta imma nitolbu sabiex Alla jkollu ħniena minnha u jsaffiha minn dnubietha, u hekk tkun tista’ tidħol tgawdih flimkien mal-qaddisin fil-hena ta’ dejjem.

Forsi tajjeb li, barra l-movimenti mużikali u l-emozzjoni tal-istrofi Dies Irae, Confutatis jew Lacrymosa ta’ Mozart, niftakru wkoll fis-serenità u l-intimità li jittrażmettulna r-Rex tremendae majestatis u r-Recordare:

Re setgħan fil-kobor tiegħek,

li ssalvani bla jistħoqqli,

għajn ta’ ħniena, żommni miegħek.

.

Ftakar f’dan, Ġesù tal-ħniena,

li għalija int ġejt fid-dinja,

biex mitluf ma nkun qatt jiena.

.

Int fittixtni, nfnejt għalija,

biex tifdini mitt imsallab:

dana kollu ħa jseħħ fija!