Illum ftit huma dawk li għandhom il-ħin u s-sabar li jagħmlu l-bigilla huma. Lanqas m’għadna bilfors nistennew lil tal-karrettun jew lil tal-vann iwasslilna wara bieb darna l-bigilla tajba u tagħli għax faċilment issibha f’kull ħanut tal-ikel! Ovvjament, mhux se tkun ġenwina daqskemm meta tkun magħmula friska, imma llum drajna nikkunsmaw kollox hekk. L-aqwa li nsibuh lest u fi kwalunkwe ħin li jkollna aptitu.

Però tista’ tobsor li dari l-bigilla ma kinetx sempliċiment zalza oħra li fiha nbillu xi galletta qabel l-ikla. Din it-taħlita ta’ ful misjur u mgħaffeġ bil-qoxra, imħallta b’żejt, tursin, bżar aħmar, tewm, u ingredjenti oħra skont il-gosti tal-persuna, għandha storja interessanti u li l-oriġini etimoloġiku tagħha kien jintilef għal kollox kieku ma kienx għal ċertu wieħed Domenico Magri li jniżżilha f’wieħed mid-dizzjunarji li ġabar bl-isem Hierolexicon sive Sacrum Dictionarium flimkien ma’ ħuh Carlo, u li ħareġ f’Ruma fl-1677.

Il-Kanonku Agius De Soldanis jitkellem dwar il-bigilla bħala wieħed mill-ikel marbutin mal-funerali u r-ritwali li jduru madwar il-mewt. De Soldanis jgħid li l-qraba tal-mejjet barra l-ħobż kienu jagħtu wkoll taħlita magħmula mill-ful imsajjar lill-fqar li jkunu ġew jakkumpanjaw fil-funeral. De Soldanis jikkwota lil Magri u jgħid li l-isem “beghilla” ġej mill-kelma bit-Tork ta’ dak iż-żmien “begala” li tfisser ful. Magri jgħid li ra din id-drawwa ssir f’diversi postijiet fl-Italja. Ir-rabta tal-bigilla mal-funeral hija proprju minħabba l-lewn kannella fil-griż tagħha li jfakkar fil-mewt u fil-lewn tal-art. Wara kollox, bħalma ġejna mill-art hekk ukoll lejn l-art nerġgħu mmorru … imma bl-istess fidi ta’ Ġob li fit-tbatijiet tiegħu jistqarr:

Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj

u fl-aħħar fuq it-trab iqum,

u wara li jintemm ġildi,

għoddni bla laħam, nara ’l Alla.

Ġob 19, 25-26

Nittama li din l-informazzjoni ma twasslekx biex tumbraha l-bigilla. Imma forsi, bejn galletta bi ftit bigilla u belgħa birra, tiftakar ftit li bħall-bigilla anke inti trid tgħaddi mill-proċess sabiex dak li inti jsir ikel għall-fqar fil-qadi tiegħek u b’ħarsa lil hinn mill-qabar li faċilment jagħmilna egoisti u b’attitudni żbaljata ta’ xi tfisser tgawdi l-ħajja bis-sabiħ kollu tagħha.