Fil-11 ta’ Novembru l-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ San Martin minn Tours. Dan il-qaddis, li twieled minn ġenituri pagani imma nġibed lejn il-fidi nisranija sa minn età żgħira, ħaddan l-ideal monastiku u eremitiku għal numru ta’ snin qabel ma ġie magħżul bħala isqof ta’ Tours fi Franza fis-sena 371. Matul iż-żmien li għamel bħala isqof, waqqaf diversi monasteri u miet waqt żjara fi djoċesi oħra bit-tama li jġib l-għaqda hemmhekk. Il-kult ta’ San Martin hu mxerred ħafna madwar id-dinja nisranija u huwa wieħed minn tal-bidu li ġie meqjus bħala qaddis minkejja li ma mietx martri.

Waħda mit-tradizzjonijiet marbutin mal-festa ta’ dan il-qaddis hija bla dubju l-borża ta’ San Martin. Tradizzjonalment, kienet tkun borża taċ-ċarruta mimlija bi frott differenti u bi ħbejża ħelwa—illum ħafna drabi jitpoġġa wkoll xi ħelu, probabbilment biex tkun iktar attraenti għat-tfal!

Interessanti ferm l-oriġini ta’ din it-tradizzjoni li għadha tant b’saħħitha fostna. Għalkemm b’mod popolari hija assoċjata mal-karità li għaliha kien tant magħruf San Martin—kif anke tixhed il-leġġenda tal-mantell li qasam ma’ raġel fqir li wara jiskopri li kien Ġesù stess—il-borża x’aktarx għandha oriġini iktar ‘liturġiċi’.

Barra l-magħmudijiet ta’ Sibt il-Għid, fl-ewwel sekli tal-Knisja, kien hemm ukoll numru li jitgħammdu fis-6 ta’ Jannar li, sakemm saret speċifikament il-festa taż-żjara tal-Maġi, kienet tfakkar il-Magħmudija tal-Mulej (anke llum, il-liturġija tal-Epifanija tinkludi wkoll il-Magħmudija flimkien mal-miraklu tat-Tieġ ta’ Kana bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ Alla li juri lilu nnifsu f’Ġesù Kristu). U allura, bħalma kienu jsiru erbgħin jum ta’ sawm bi tħejjija għall-magħmudija tal-Għid, li mbagħad żviluppaw fiż-żmien liturġiku tar-Randan, hekk ukoll qabel din iċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija wkoll kienet issir sawma. Maż-żmien, b’mod partikulari fil-Knisja Gallika (ta’ Franza), din is-sawma ntrabtet mal-festa tal-Milied u kienet tibda l-għada tal-festa ta’ San Martin, hekk li bdiet tissejjaħ ir-Randan ta’ San Martin. Il-borża ta’ San Martin kienet isservi l-istess funzjoni bħall-ħelu tal-Karnival eżatt qabel jibda s-sawm tar-Randan. Kienet din l-osservanza li bil-mod il-mod ħejjiet it-triq sabiex il-Knisja twaqqaf iż-żmien tal-Avvent—żmien li għalkemm m’għadx għandu daqstant il-karattru penitenzjali, xorta waħda għandu l-għan li jiftaħ il-qalb tagħna u jħejjija għall-miġja tal-Mulej.