Id-drammaturgu Shakespeare ttraċċa l-vulnerabbiltà umana fil-waqt li l-bniedem jagħraf il-mortalità tiegħu. F’dan l-artiklu naqraw l-kuntrast li jgħaddi bejn il-karattru ta’ Hamlet u l-qaddisin, filwaqt li tal-ewwel jieqaf mar-realtà tal-mewt, il-qaddisin imorru pass oltre: ma jħallux il-mewt taħkimhom bil-biża’ iżda ġġegħilhom jgħixu ħajja aħjar.

Hija ħaġa xi minn daqqiet komuni għal Shakespeare li jitkellem dwar kemm hija tranżitorja l-ħajja. Hekk jagħmel ngħidu aħna f’Macbeth fejn fost l-oħrajn nisimgħu kif il-ħajja hija dell mixi u ġrajja rrakkuntata minn idjota.  Hawn iżda sejrin inħarsu aktar fid-dettal lejn l-ewwel xena tal-ħames att tad-dramm Hamlet. Id-deffien f’dan id-dramm jgħidilna li d-deffiena jaqsmu s-sengħa tad-dfin ma’ Adam. Dan, id-deffien jgħidu, biex juri sew l-antikità ta’ din is-sengħa iżda wkoll biex jurina li l-mewt hija ħaġa waħda mal-esperjenza umana. Fl-istess att,Hamlet ukoll juri sens ta’ stgħaġib lejn in-nuqqas ta’ rispett li juri d-deffien meta dan jgħidlu li l-kranju li kellu f’idu huwa dak ta’ Yorick, il-buffu ta’ tfulitu.

Hamlet jinduna li r-realtà ta’ ħajtu hija tranżitorja; bħal  Koħelet jinduna li “kollox frugħa u ġiri wara r-riħ” (1, 14). Jinduna li hu dan l-esseri li għandu bidu u tmiem, li mhuwiex l-alfa u l-omega tal-eżistenza iżda l-ittri ta’ bejn it-tnejn, ċioè li jiġi fl-eżistenza wara li din kienet ġa bdiet u allura b’xi mod dejjem ftit tard, u jispiċċa meta din tibqa’ għaddejja wara li hu jmut. Hija realizzazzjoni li kull uman jagħmel iżda huma ftit dawk li jaħsbu fuqha. Imma meta wieħed jasal għaliha, jinfetaħ quddiemu rdum ta’ għarfien. Wieħed jinduna li  l-konkwisti mundani jispiċċaw, u allura ftit jiswew. Dan l-għarfien iwasslu biex jgħid li Polonju, wieħed mill-għedewwa tiegħu, għad jittiekel mid-dud kif ukoll li jistqarr li t-trab mill-ġisem ta’ Alessandru l-kbira jaf intuża biex isodd toqba f’bittija tal-birra.

Din il-lista ta’ metafori makabri lil xi wħud iddaħħalhom f’qoxorthom, lil oħrajn iġġegħilhom jaħsbu li huma ’l hemm mill-kumpass morali u allura jistgħu jagħmlu li jridu. Hekk ngħidu aħna ġara fil-pesta, fejn il-laqgħa ta’ wħud mal-mewt ġegħlithom jirraġunaw: ‘ladarba jien se mmut, allura nagħmel dak li jiftili,’ kif ġralu Hamlet. Iżda mhux azzjonit  kulħadd hija ta’ din ix-xorta.

 Ma kienx aljen għall-qalb tal-qaddisin l-għarfien li wieħed irrid immut, iżda b’dan kollu l-fatt li wieħed kellu jmut ma kienx ifisser li seta’ jagħmel li jrid. Il-qaddisin ma skreditawx il-potenzjal li kien hemm minkejja l-mortalità.  L-aġent morali jrid jara li jsalva b’mod sħiħ mhux bil-biċċiet; ma għandux kontroll li ġismu jittiekel bil-proċess naturali iżda kontroll fuq l-għażliet li huwa jagħmel fil-kuxjenza tiegħu. L-iżball ta’ Hamlet huwa dan: li ħaseb li fejn spiċċa ġismu spiċċa kollox, u allura jista’ jagħmel li jrid. Kuntrarju għal dan, din ir-realizzazzjoni kellha timlieh b’aktar umiltà u tressqu lejn ideali mill-aktar għolja li kienu jsalvaw l-intjier tiegħu. Hekk għamlu l-qaddisin.

 L-appostlu Pawlu, li jistqarr u jagħraf kollox bi knis, xorta waħda jara li jgħix l-eżistenza tiegħu bl-aħjar mod; jagħżel li jgħix l-isfida, mhux biex b’sens stojku jagħraf il-qawwa tiegħu, iżda biex iwassal lil Kristu lill-bqija. Din iż-żerriegħa li f’Pawlu għamlet ħafna frott ma baqgħetx timida iżda għaddiet minn avventura sħiħa. Jgħidilna l-Appostlu Pawlu: “Ħames darbiet qlajt l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli ta’ ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera!” (2 Kor 11, 24-27).

Minn dan nikkonkludu li r-relazzjoni tal-persuna mal-mewt hija bil-wisq importanti  iżda hija l-attitudni li wieħed jieħu quddiem din ir-realtà li tinfluwenza l-mod kif wieħed jaġġixi. San Ġrolmu, anke jekk narawh bosta drabi bi kranju maġenbu, ma waqqafx milli jittraduċi l-Bibbja għal-Latin. San Franġisk meta għaraf il-mewt b’oħtu ta kollox għall-bqija, iżda wkoll ra li jħarreġ nies oħra biex huma ukoll jagħrfu dak li jiswa minn dak li ma jiswiex. Tfakkarni f’dak li kiteb il-Belġjan Eric Emmanuel Schmitt: li dak li nżommu għalina jintilef għal dejjem iżda dak li naqsmu mal-oħrajn isir tagħna għal dejjem. Din hija l-avventura ta’ dawk li jagħrfu jsiru għotja meta jindunaw li l-ħajja mhix għan fih innifsu iżda passaġġ; kif tgħid Santa Tereża tal-Bambin Ġesù: id-dinja hija il-bastiment tagħna mhux darna.