Waħda mix-xeni li jiffurmaw in-narrattiva tal-Milied bla dubju hi l-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu. Imma qajla nieqfu naħsbu fuq ir-reġgħa ta’ Ġesù, Marija, u Ġużeppi lura f’arthom. Dan l-inżul u r-ritorn huwa mfassal fuq il-paradigma tal-mgħodija tal-poplu Lhudi mill-Eġittu għall-art imwiegħda, hekk li l-Messija nnifsu jesperjenza personalment l-istess inżul u tlugħ li għadda minnu l-poplu ta’ Alla. U dan kien meħtieġ għax Hu kien se jeħles mhux biss lill-poplu tiegħu imma lill-umanità kollha, din id-darba mhux minn jasar politiku bħal dak tal-Eġittu jew tal-ħakma Rumana, imma minn jasar iktar eżistenzjali: il-jasar tad-dnub u l-mewt.
B’mod kurjuż, dan ir-ritorn tal-Familja Mqaddsa nsibu rappreżentazzjoni artistika tiegħu fit-titular tal-kappella fuq il-gżira ta’ Kemmuna ddedikata proprju lir-Ritorn tal-Verġni Marija mill-Eġittu—pittura li turi influwenza tal-artist ċelebri Francesco Zahra. Imma l-ħsieb tiegħi mar fuq din ix-xena l-iktar għax anke f’Gaża, fit-territorju Palestinjan, hemm Knisja Kattolika waħda u din hi ddedikata lill-Familja Mqaddsa. Forsi jista’ jidher fatt trivjali, imma skont leġġenda tal-post jingħad li, hija u tirritorna mill-Eġittu, il-Familja Mqaddsa waqfet tistrieħ għal xi ġranet fi ġnien qrib din il-belt.
Bla dubju, dan il-ġnien kważi kważi ġenna tal-art jikkuntrasta bil-kbir max-xeni ta’ gwerra, qerda, terrapien, u katavri li ilna naraw minn Ottubru. Xeni li forsi wkoll drajniehom u allura m’għadhomx jaffettwawna jew saħansitra sirna indifferenti. Din is-sena żgur li Ġesù, Marija, u Ġużeppi mhux se jsibu kenn f’Gaza. Minflok, qegħdin joffru kenn huma lil numru ta’ Nsara li ilhom maqfulin f’din il-knisja mill-bidu tal-konflitt f’kundizzjonijiet li kulma jmur qegħdin isiru kważi impossibbli biex tgħix fihom.
Dawn l-esperjenzi kontrastanti li l-belt ta’ Gaza toffri lill-Familja Mqaddsa xi ftit jew wisq huma wkoll esperjenzi li jiffurmaw id-dramm ta’ kull familja. Kull familja tgħaddi minn mumenti ta’ ferħ u oħrajn ta’ niket. Kull familja tgħaddi minn żmien ta’ paċi imma wkoll minn konflitti li xi minn daqqiet ikollhom konsegwenzi diżastrużi. Familja li toffri kenn u sigurtà taf malajr tinbidel f’kamp tal-gwerra. Tgħid hemm tama għall-familji tagħna li ta’ spiss jisfgħu miġruħa għax il-membri li jiffurmawhom iħallu jidħlu fihom spirti li jmorru kontra l-imħabba?
Kif stqarrew fil-komunikazzjonijiet tagħhom, it-tama waħdanija tal-Insara maqfulin fil-knisja ta’ Gaza hija li Ġesù se jieħu ħsiebhom. F’sitwazzjoni fejn huwa ferm faċli tistaqsi fejn hu Alla f’dan kollu, dawn l-Insara qed jagħżlu li jafdaw u jemmnu f’dak li ma jidhirx. L-istess kif Marija u Ġużeppi kellhom jafdaw il-kelma mwassla lilhom mill-anġlu u jemmnu li dan binhom, li kien jidher tifel għal kollox normali bħat-tfal l-oħra, kien ukoll l-Iben ta’ Alla.
Bl-istess mod, jekk irridu li l-familji ta’ kull wieħed u waħda minna, feruti kif inhuma u bl-istorja ta’ dawl u dlam li ssawwarhom, jibqgħu magħquda u l-imħabba tibqa’ ssaltan fihom, jeħtieġ li aħna wkoll nagħmlu l-wisa’ għal dan Ġesù li ma jidhirx imma li qiegħed hemm, jaqsam magħna fil-ferħ u n-niket, fis-sabiħ u fl-ikrah, fit-tgawdija u fit-traġedji, fil-ħajja u fil-mewt. Din hija l-unika tama li għandna jekk nixtiequ li l-familji tagħna, minkejja kollox, jibqgħu weqfin anke meta jaħkmuna l-irwiefen u jaħbat għalina l-maltemp; anke fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum li mingħajr imħabba li tiġġedded kuljum faċilment issir rutina li toqtol; anke fil-mumenti trankwilli li fihom faċli nintreħew u nillaxkaw, hekk li bla ma nindunaw inkunu qegħdin niftħu l-bieb għal min għandu interess li jkisser il-familji tagħna għal raġuni jew oħra.
Hija biss il-preżenza ta’ Ġesù, il-wisa’ li nagħtuh biex jaħdem fina individwalment u bħala familja, li tista’ troddilna l-ħelsien u l-familja ssir il-post tas-salvazzjoni tagħna: mhux għax nagħmlu l-ħajja infern għal xulxin, imma għax inħalluha tkun purgatorju li jsaffina, li jkisser l-egoiżmu tagħna u jiftaħna dejjem iktar għall-imħabba; purgatorju li jmexxina mill-mentalità tal-“jien” għall-mentalità tal-“aħna.” Hekk biss il-familja tagħna tista’ ssir anke minn issa esperjenza ta’ mistrieħ u ġenna qalb it-tifrik. Hekk biss il-familja tagħna ma tibqax maħkuma mill-jasar tad-dnub u l-kilbiet tagħna imma ssib ruħha f’postha, f’darha fil-qalb ta’ Ġesù, Marija, u Ġużeppi.
Jalla l-familji tagħna jkunu bħall-Familja Mqaddsa f’Gaża, mhux għax saret gwerra kuljum fiha nnifisha, imma għax fiċ-ċirkostanzi u l-ġrajjiet li ngħaddu minnhom kontinwament nibqgħu nfittxu l-kenn f’Ġesù li qiegħed dejjem hemm, anke jekk ma jidhirx. Qiegħed dejjem hemm, rieqed u mbennen mill-imħabba li tissara biex tibqa’ tħobb sal-aħħar.