Tassew Bin Alla!
Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int lilna l-bnedmin tajtna eżempju ta’ umiltà meta ridt li s-Salvatur tagħna jsir bniedem bħalna u jieħu l-mewt tas-salib; fil-ħniena tiegħek, agħtina li s-sabar tiegħu jkun ta’ tagħlima għalina u li jistħoqqilna nissieħbu miegħu fil-qawmien għall-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.
Iż 50:4-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm 21(22):8-9,17-18a,19-20,23-24
R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!”. R/.
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli jdejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.
Ħwejġi jaqsmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.
Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
Ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.
Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh.
Fil 2:6-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu, li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,
u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Fil 2:8-9
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Mk 14:1–15:47
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Mark
I
K Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt. Għax bdew jgħidu:
S “Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu”.
K Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż f’Betanja. Daħlet mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu:
S “Dal-ħala kollu ta’ fwieħa għalfejn? Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra”.
K U bdew jeħduha magħha. Imma Ġesù qal:
Ġ “Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. Tassew ngħidilkom li, kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha”.
K Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu:
S “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.
K Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom:
Ġ “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.
K U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal:
Ġ “Tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi”.
K Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh:
S “Jaqaw jien?”.
K Qalilhom:
Ġ “Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.
K Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal:
Ġ “Ħudu, dan hu ġismi”.
K Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom:
Ġ “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.
K Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. U Ġesù qalilhom:
Ġ “Ilkoll se titħawdu, għax hu miktub: ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu’. Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom”.
K Qallu Pietru:
S “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx”.
K Qallu Ġesù:
Ġ “Tassew ngħidlek li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”.
K Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha:
S “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”.
K U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess. Waslu f’qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu:
Ġ “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob”.
K U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom:
Ġ “Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru”.
K Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. U qal:
Ġ “Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int”.
K Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru:
Ġ “Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”.
K U raġa’ mar u tenna l-istess talba. Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra sabhom reqdin għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbu jgħidulu. Ġie għat-tielet darba u qalilhom:
Ġ “Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!”.
K Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom:
S “Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb”.
K Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u qallu:
S “Rabbi”.
K U biesu. Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. Imma wieħed minn dawk ta’ madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. Ġesù dar fuqhom u qalilhom:
Ġ “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura”.
K Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri. Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu:
S “Aħna smajnieh jgħid: ‘Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!’”.
K Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma kienet taqbel.
Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù:
S “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”.
K Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu:
S “Int il-Messija, Bin l-Imbierek?”.
K Ġesù wieġbu:
Ġ “Jien hu, u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema”.
K Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta’ fuqu u qal:
S “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Id-dagħwa smajtuha! X’jidhrilkom?”.
K U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu:
S “Aqta’ min!”.
K U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta. Waqt li Pietru kien isfel ’il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu:
S “Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret”.
K Imma hu ċaħad u qal:
S “Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid”.
K U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden. Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm:
S “Dan wieħed minnhom”.
K U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru:
S “Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija”.
K Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
S “Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu”.
K Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: “Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet”. U nfexx jibki.
II
K Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom.
Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu. Pilatu staqsieh:
S “Inti s-sultan tal-Lhud?”.
K U hu wieġeb u qallu:
Ġ “Int qiegħed tgħidu”.
K Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu.
Iżda Pilatu raġa’ staqsieh:
S “Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!”.
K Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb. F’nhar ta’ festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd. In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. Qabad Pilatu u qalilhom:
S “Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?”.
K Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh minħabba l-għira. Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. Pilatu raġa’ staqsiehom u qalilhom:
S “U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom issejħulu s-sultan tal-Lhud?”.
K Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid:
S “Sallbu!”.
K Qalilhom Pilatu:
S “Imma x’għamel ħażin?”.
K Huma aktar bdew jgħajtu:
S “Sallbu!”.
K Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu:
S “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”.
K U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żuffjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.
U ħaduh ’il barra biex isallbuh. Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud”. Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:
S “Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!”.
K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu:
S “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!”.
K U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll. Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi:
Ġ “Eloì, Eloì, lemà sabaqtàni!”.
K li jfisser:
Ġ “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”.
K Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:
S “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!”.
K U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal:
S “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!”.
K Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Hawnhekk kulħadd jinżel għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.
Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal:
S “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”.
III
K Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.
Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’ Ġesù lil Ġużeppi, u dan xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Riflessjoni
“Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” stqarr iċ-ċenturjun wara li ra lil Ġesù jmut.
Ħadd il-Palm, jew Ħadd il-Passjoni tal-Mulej, jagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa. Wara li daħal Ġerusalemm qisu sultan, Ġesù jqatta’ l-aħħar jiem ta’ ħajtu bi ġrajjiet sinifikattivi ħafna. Imma r-riflessjoni tagħna hi fuq il-passjoni.
Id-dettalji ta’ dawn il-ftit sigħat huma ħafna bħalma jagħtu wkoll l-Evanġelisti l-oħra. Żgur li juru kemm tassew Ġesù kien bniedem. Imma juruna iktar minn hekk għax fl-istess tbatijiet twettqu ħafna mill-profeziji tal-Messija. Saħansitra jħabbar it-tieni miġja tiegħu quddiem is-Sinedriju.
Narawh tradut, miċħud, imsawwat, iġġudikat u kkundannat, mislub, u maqtul … u fl-aħħar midfun.
Il-meditazzjoni tagħna m’għandhiex tkun superfiċjali. Għandna ġimgħa nikkontemplawh lil dal-Bniedem li salvana. Ma ried bl-ebda mod juża setgħetu ta’ Alla imma kif jistqarr Pawlu fl-Ittra lill-Filippin: “għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla … xejjen lilu nnifsu” (2, 6-7).
Ta kollox għalina. Ir-Ragħaj it-Tajjeb li pproteġa lilek u lili mil-lupu li ried jikolna. Swiet ħafna l-fidwa tagħna. Il-ħelsien tagħna nxtara bi prezz għoli. L-identità ġdida tagħna ta’ wlied Alla swiet id-demm għażiż tal-Mulej u Salvatur tagħna Ġesù l-Messija.
Talba
Missier, grazzi ta’ Ibnek Ġesù. Grazzi li offrejtu bħala s-sagrifiċċju perfett li patta għal dnubietna kollha. Grazzi li l-Ispirtu s-Santu għamel lil Ġesù l-offerta eterna li biha aħna ħielsa u nistgħu nsejħulek “Pà.” Għinna matul din il-ġimgħa napprezzaw lil Ġesù, nikkontemplawh, inħobbuh, u nħalluh iħobbna. Bil-grazzja tiegħek, agħmilna xhieda kuraġġużi ta’ Ġesù f’soċjetà aljenata biex iktar bnedmin jinġibdu lejn Ibnek l-għażiż Ġesù, il-Kristu tiegħek. Ammen.