
Jekk il-ħabba tal-qamħ, li taqa’ fl-art, tmut hi tagħmel ħafna frott
Il-Ħames Ħadd tar-Randan Sena B
Kolletta
Nitolbuk, Mulej Alla tagħna; agħtina l-għajnuna tiegħek biex, bil-ħeġġa kollha ta’ qlubna, ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek meta kien mogħti għall-mewt għalina. Hu, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Is-silta tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd, li hi meħuda minn San Ġwann, ittarraġ is-sejħa u l-għan tad-dixxipulat veru wara Ġesù.
Fl-ewwel parti nsibu x-xewqa li xi Griegi kellhom li jaraw lil Ġesù. Il-Griegi, li ma kinux Lhud, kienu persuni ta’ twemmin u kultura oħra. Madankollu xtaqu jiltaqgħu ma’ Ġesù. Il-messaġġ ta’ Ġesù qatt ma kien esklussiv għal-Lhud biss, imma għall-umanità kollha.
Ġesù kien jaf li waslet is-siegħa tiegħu; kien jaf li ser ikun igglorifikat. Però qabel se jkollu jmut, u permezz ta’ din il-mewt bosta se jkollhom il-ħajja, Griegi u mhumiex! Il-bniedem tant hu prezzjuż quddiem Alla li hu tana kollox: tana lil Ibnu għalina sabiex ikollna l-ħajja ta’ dejjem u din il-ħajja ta’ dejjem hi miftuħa għal kulħadd bla ebda distinzjoni.
Ġesù jkompli jgħidilna li sabiex naqdu lilu l-ewwel irridu nimxu warajh, immewtu l-egoiżmu tagħna u l-bosta affarijiet li jxekkluna milli ngħixu ħajjitna kif jixtieqna Hu. Dan ix-xkiel itellifna milli nkunu sinjal awtentiku ta’ fidi li twarrad ix-xhieda għall-poplu ta’ rieda tajba. |
Għalhekk, hija ċara li jeħtieġ li l-ewwel inkunu dixxipli biex imbagħad insiru appostli—inkunu l-mibgħuta tiegħu u f’ismu. In-Nisrani hu msejjaħ sabiex l-ewwel nett jimxi wara Ġesù, isir jaf lilu u mhux dwaru biss, imbagħad bil-grazzja ta’ Alla fih u b’fiduċja sħiħa f’Alla jwieġeb għas-sejħa li jkun appostlu tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum anke permezz ta’ azzjonijiet żgħar u ordinarji. Jekk l-ewwel ma nkunux dixxipli, il-pastorali tagħna tkun biss filantropija jew żvog personali ta’ azzjonijiet tajba.
Permezz tal-fiduċja sħiħa f’Alla nkunu qed nigglorifikawh. Il-kliem ta’ tifħir lil Alla hu sabiħ, ix-xhieda hija sabiħa, imma l-fiduċja sħiħa fih hija xi ħaġa ħierġa mill-ġewwieni tal-bniedem, hija frott il-fidi tal-bniedem f’Alla. Għalhekk huwa neċessarju li d-dixxiplu ta’ Ġesù isostni din il-fiduċja b’fidi msejsa fuq xewqa perenni li jkompli jiltaqa’ ma’ Ġesù. B’hekk ikun lest li jingħata lilu u lill-umanità, akkost tal-offerta tiegħu ta’ kuljum, sabiex l-imħabba ta’ Ġesù tkompli tagħti l-ħajja lil bosta li għadhom ma jafuhx.
X’qed tagħmel sabiex tafdah b’dak kollu li int ħalli tkun dixxiplu veru tiegħu?
Talba
Mulej Ġesù, saħħaħ il-fidi tiegħi sabiex nafdak aktar, għaliex b’hekk biss nista’ ningħata lilek għal qadi tal-umanità.



