Fl-Iżlam, fil-Ġudaiżmu u fil-Kristjaneżmu hemm xi ħaġa komuni: li t-tliet reliġjonijiet iqisu lil Abraham bħala missierhom fil-fidi għaliex Abraham għandu rwol importanti fl-istorja! Għal-Lhud, Abraham huwa dak li minnhu ġew mnissla l-Lhud kollha. Abraham huwa missier Iżakk u n-nannu ta’ Ġakobb li huwa mogħti l-isem Iżrael u li jnissel tnax-il iben li jissimbolizzaw lit-tnax-il tribu ta’ Iżrael.
Abraham huwa msejjaħ minn Alla fejn Alla jgħidlu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b’wirt” (Ġen 15, 7). Fil-ktieb tal-Ġenesi nsibu wkoll li: “Jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka” (Ġen 12, 2).
L-insara jqisu lil Abraham bħala missierhom fil-fidi, li kien ubbidjenti. Kif jikteb San Pawl fl-ittra lill-Galatin: “Hekk, Abraham “emmen lil Alla, u dan kien magħdud lilu għall-ġustifikazzjoni” (3, 6). Fl-iskrittura nsibu li dawk kollha li jemmnu ser ikunu ġġustifikati: “U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti” (Ġen 22, 18).
Fl-Iżlam, fil-Kuran, Abraham huwa msejjaħ Ibraħim, fejn huwa mogħti ġieħ għall-ubbidjenza, kif ukoll huwa meqjus bħala wieħed mill-profeti ta’ Allah li huwa ħabib ta’ Alla, kif ukoll huwa meqjus bħala eżempju għall-umanità.
Għalkemm hemm differenzi kbar bejn il-Lhud, l-Insara u l-Misilmin, dawk it-tliet reliġjonijiet iqisu lil Abraham bħala missierhom fil-fidi.