Forsi meta naħsbu fuq żmien ir-Randan l-ewwel ma jiġina f’moħħna huma l-atti ta’ karità, is-sagrifiċċji u l-penitenzi, u t-talb ta’ maħfra. Hekk hu, imma jista’ jkun li ftit li xejn nintebħu bir-rabta importanti li hemm bejn ir-Randan u l-Magħmudija.

Infatti fil-kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, Sacrosanctum Concilium (par.109), insibu li ż-żmien ir-Randan huwa kkaratterizzat minn żewġ elementi:

  1. il-penitenza
  2. il-preparazzjoni għall-Magħmudija jew inkella t-tifkira ta’ dħul fil-ħajja nisranija.

Ir-Randan huwa magħmul minn erbgħin jum li, hekk kif Kristu fl-erbgħin jum li qatta’ fid-deżert ġie mġarrab u ttentat, hekk in-nisrani f’dan iż-żmien ta’ grazzja jagħraf aktar mhux biss in-nuqqasijiet tiegħu imma l-importanza tal-għejxien tal-ħniena u l-imħabba ta’ Alla f’ħajtu. B’dan il-mod in-nisrani jinqeda bl-użu ta’ penitenza u sagrifiċċji biex hekk dejjem jingħaqad aktar mal-figura ta’ Kristu, dak li “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-Salib.” (Filippin 2, 8)

Ir-Randan oriġina bħala l-aħħar tappa fil-preparazzjoni tal-katekumeni, dawk li waslu fl-aħħar pass biex waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid jirċievu l-Magħmudija, il-Griżma u l-Ewkaristija u b’hekk jidħlu b’mod sħiħ fil-ħajja nisranija. Wara li l-katekumeni jkunu qattgħu fażi twila fejn jisimgħu u jitgħallmu fuq l-Kelma ta’ Alla u fuq l-għixien tal-fidi, erbgħin jum qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija tagħhom, il-katekumeni f’ċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof kienu jiġu milqugħa bħala eletti, jiġifieri dawk magħżula biex jidħlu fil-Knisja. B’hekk dan il-perjodu tar-Randan għalihom kien ikun ta’ importanza kbira għax kien iservi ta’ tħejjija mill-qrib għad-dħul fil-ħajja nisranija.

Kien għalhekk li l-Konċilju Vatikan II ħass l-importanza li

l-liturġija ta’ żmien ir-Randan u ta’ żmien l-Għid tkun riformata b’mod illi tħejji r-ruħ tal-katekumeni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid li fis-solennità tiegħu huma jitwieldu mill-ġdid fi Kristu bil-magħmudija.

Ad Gentes, par. 14

Kien għalhekk illi fir-Rit tal-Inizjazzjoni Nisranija tal-Adutli nsibu li wara fl-aħħar tal-perjodu tal-katekumenat, il-katekumeni fil-bidu tar-Randan jiġu milqugħa bħala l-magħżulin biex jirċievu s-sagramenti tal-Magħmudija, Griżma u l-Ewkaristija. Ir-Randan għalihom ikun perjodu ta’ purifikazzjoni u għalhekk f’nofs il-Ħdud tar-Randan, proprju bejn it-tielet u l-ħames Ħadd, dawn il-‘magħżulin’ ikollhom l-iskrutinji fejn f’waqthom jaffermaw l-għażla tagħhom li jimxu wara Kristu. Intant fl-ewwel skrutinju jsir ukoll ir-rit tal-Eżorċiżmu, li huwa talba fuq dawn il-magħżula biex jinħelsu mill-ħakma tax-Xitan.

Forsi faċli għalina naraw kemm għal dawn il-katekumeni dawn l-erbgħin ġurnata kienu importanti qabel jieħdu pass daqshekk importanti f’ħajjithom. Imma l-istess jgħodd għalina ukoll, aħna li qed nitħejjew biex niċċelebraw il-misteru tas-salvazzjoni tagħna u biex finalment aħna wkoll nipparteċipaw b’mod sħiħ fi tmiem ta’ ħajjitna fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.

Ieqaf u aħseb

  • Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid, l-Insara kollha huma mistiedna jġeddu l-wegħdiet tagħhom tal-Magħmudija. Jien f’ħajti kif qiegħed ngħix il-grazzja ta’ dan is-sagrament: l-identità tiegħi bħala l-Iben/Bint ta’ Alla?
  • Bħalissa f’ħajti x’hemm bżonn li niċħad biex inkun verament dixxiplu ta’ Kristu?