Il-festa ta’ Santa Marija f’Malta mhijiex biss festa reliġjuża imma hija wkoll festa storika, kulturali u soċjali. Din hija festa karatterizzata mill-qniepen idoqqu, mill-ilħna tal-għannejja u minn xi ġurnata baħar. Bejn “l-għerejjex ta’ Santa Marija” (għax nibdew naraw l-ewwel sħab) u s-“Seba’ Santa Marijiet” (iż-żjarat lis-seba’ knejjes parrokkjali ddedikati lil Marija Assunta), importanti li ma nitilfux it-tifsira vera ta’ din il-festa.
Il-festa tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija hija waħda mill-akbar festi fil-kalendarju tal-Knisja, għaliex Marija, bniedma bħalna, ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Marija tantiċipa l-qagħda ta’ kull wieħed u waħda minna: waqt li meta mmutu, bir-ruħ tagħna nkunu nistgħu ngawdu lil Alla waqt li nistennew il-qawmien tal-ġisem mill-imwiet fl-aħħar jum, Marija diġà qed tgawdi lil Alla bir-ruħ u bil-ġisem. Alla ried li l-ġisem safi ta’ Omm Ibnu ma jarax it-taħsir tal-mewt.
Santa Marija, għalhekk, hi ta’ tama kbira għalina l-bnedmin; aħna, bħalha, għad ingawdu lil Alla bir-ruħ u bil-ġisem. Meta ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jġagħluna nħarsu ’l isfel bid-diżappunt u bid-dwejjaq, ejjew—bħall-appostli nhar t-tlugħ fis-sema ta’ Marija—inħarsu ’l fuq bit-tama u bil-kuraġġ, niftakru f’min aħna mħeġġin li nixbhu u f’min aħna msejħin li nkunu. Il-bniedem maħluq biex jgħix ma’ Alla, u ma jafx ferħ mod ieħor, bħal tarbija li “Sema ieħor ma tafx għajr il-wiċċ t’ommha”.
Hekk jibda Dun Karm Psaila s-sunett petrarkjan, Univers Ieħor. Il-Madonna, bħall-omm—għax hi Omm—timxi t-triq magħna għax hi mxietha diġà qabilna. Dun Karm jammetti li ommu Lunzjata—bħal Ommu Marija—għandha l-istess kwalitajiet ta’ Alla għax hi wkoll tista’ turih it-triq lejn Alla. Din tidher l-aktar ċara fl-aħħar terzina:
U minn dak l-univers ta’ tjieba u dija
Li jiddi ħelu fuq il-wiċċ ta’ mara
Alla jixref u jidħak lit-tarbija.
Alla jidħak lit-tarbija mit-tbissima tal-omm. Jista’ jkun, għalhekk, li t-tbissima tikkostitwixxi x-xbieha ta’ Alla fina daqs ir-raġuni u r-rieda? Jista’ jkun li l-viżjoni beatifika—li ngawdu lil Alla bir-ruħ u bil-ġisem, l-għan li għalih kollha aħna maħluqin—hi t-tbissima bħala riflessjoni tad-daħka ta’ Alla? Forsi dan hu r-rigal il-kbir tal-festa ta’ Santa Marija: Omm Alla qed tgawdi ’l Alla kif għad ingawduh aħna, imma Alla diġà, minn issa, qiegħed “jixref u jidħak” lill-bniedem mit-tbissima tal-Omm—u ta’ kull omm.