Ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni (Mt 17, 1-9; Mk 9, 2-10; Lq 9, 28-36) isemmi elementi li jinġabru flimkien biex jesprimu dak kollu li jrid jgħid Alla lill-bniedem, lil min irid jisma’, anzi. 

  • Dehru Mosè u Elija jitħaddtu ma’ Ġesù fuq it-tmiem ta’ ħajtu.
  • Il-Missier jikkmanda lit-tliet appostli biex “jisimgħu lilu,” lill-Iben, Ġesù.
  • Imma jinstema’ l-Missier jagħmel rivelazzjoni: “Dan hu Ibni l-għażiż.”

Kollox mill-kelma u fuq il-kelma! Mosè: li permezz tiegħu Alla ta l-Liġi lill-Poplu ta’ Iżrael fuq il-Muntanja Sinaj, biex ikollu r-rieda ta’ Alla għalih bil-miktub.

Elija: il-fundatur tal-profeti tat-Testment il-Qadim, dawk li bil-qawwa ta’ Alla jagħrfu jaqraw is-sinjali taż-żminijiet li kienu jseħħu madwarhom fid-dawl tal-fidi f’Alla. 

Issa Luqa 9, 32 jiddeskrivi lil Pietru u sħabu “mtaqqlin bin-ngħas,” mejtin bin-ngħas. Donnu jrid jgħid li dik is-sħaba tal-kelma li għattiethom kienet l-għajn li tathom il-ħajja mill-ġdid. Kelma, kif nafu, tinħoloq billi n-nifs jgħaddi mill-pulmuni għal fuq il-kordi tal-leħen fl-għonq; imbagħad il-moħħ iċaqlaq l-ilsien u x-xufftejn fil-ħalq biex jifformaw kelma kelma li tesprimi dak li jrid jgħid il-moħħ.

  • Hekk ukoll ġara fil-Ġenesi: “Alla qal: ‘Ikun id-dawl’ … u d-dawl sar” (1, 3, u l-bqija).
  • F’Isaija 55, 10: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”
  • U Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nazaret, wara li qara l-Kelma miktuba, ikkonferma li “din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu [lili]” (Lq 4, 21).

Mosè – il-bniedem tal-kelma kkmandata;

Elija – il-bniedem tal-kelma mħabbra;

Ġesù – il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem.

Kien proprju hemm, fuq l-Għolja tat-Trasfigurazzjoni, li kellhom jiltaqgħu t-tlieta biex il-Missier seta’ jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu!”

Pietru jikkwota lil Mosè: “Il-Mulej Alla tagħna jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom; lilu isimgħu f’kulma jgħidilkom” (Atti 3, 22).

Mosè u Elija jorbtu lil Ġesù ma’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kelma u r-rieda tal-Missier għal Ibnu Ġesù, u għalina, ulied Alla f’Ġesù.