Nobbli minn Loyola fi Spanja, Injazju għamel żmien fil-qorti tas-sultan u fis-servizz militari sakemm kien milqut minn balla ta’ kanun f’saqajh il-leminija waqt li kien qiegħed jiġġieled għall-belt ta’ Pamplona fl-1521. Waqt li kien qed jiġi rikoverat, qara numru ta’ kotba dwar il-ħajja ta’ Kristu u tal-qaddisin u kien ispirat minnhom, biddel ħajtu, u sar wieħed mill-aktar persuni importanti fit-tiġdid tal-Knisja Kattolika fil-perjodu tal-Kontra-Riforma.

Injazju fehem li biex persuna tagħmel għażla tajba – il-proċess tad-dixxerniment – jeħtieġ li teduka lix-xewqa; il-ħajja spiritwali ssir, għal Injazju, mod ta’ kif il-persuna tikber kontinwament fix-xewqa tagħha għal Alla. L-attitudni li l-persuna tista’ ssib lil Alla f’kulħadd u f’kollox, fuq l-eżempju stess ta’ Ġesù, tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-kontemplazzjoni mal-azzjoni. Is-sejħa tan-Nisrani hi li jikkontempla lil Alla – u allura jkun xhieda ta’ Alla – fid-dinja.

Għal Injazju, fil-bniedem jeżisti kunflitt eċċezzjonali bejn Alla u d-dinja. Bejn ħaltejn bejn il-vanità u l-indiema, Injazju sabha diffiċli jagħmel differenza bejn dak li ħaseb li xtaq u dak li verament xtaq, bejn dak li xtaq momentarjament u dak li xtaq l-aktar. Ix-xewqat, l-ambizzjonijiet u l-ideali li mexxewh matul ħajtu sa dak il-punt tal-inċident ħallew f’Injazju vojt kbir u profond.

Kien f’dan il-mument, iżda, li Injazju għaraf li Alla jista’ jibdel dak il-vojt iddisprat b’ħajja ġdida. Il-proċess tad-dixxerniment hu, għalhekk, dwar kif il-ħolqien jista’ l-aktar jipponta lejn il-Ħallieq; l-għan mhux li naħkmu u nippossjedu, imma li napprezzaw li l-vera paċi tagħna tinsab f’li nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna.

Sir af aktar f’dan il-vidjow.