Tradizzjoni antika nisranija ġejja mit-tieni seklu tippreżentalna lill-ġenituri tal-verġni Marija bħala koppja bl-ismijiet ta’ Anna u Ġwakkin. L-ismijiet infushom huma indikattivi għall-għażla tagħhom fil-proġett kbir tal-Missier li jibgħat lil Ibnu fid-dinja: Anna jfisser “grazzja” waqt li Ġwakkin ifisser “dak li waqqaf il-Mulej”; meħudin flimkien il-ġenituri ta’ Marija jissimbolizzaw it-twettiq tal-wegħda li Alla waqqaf mal-poplu tiegħu sa mill-bidu. Iż-żwieġ ta’ dawn iż-żewġ persunaġġi nistgħu ngħidu li kien wieħed mill-aħħar kapitli tal-prologu għat-twelid ta’ Ġesù.

L-eqdem referenza għal dawn l-ismijiet insibuha fil-kitba magħrufa bħala l-Protovanġelu ta’ Ġakbu, imsawra fuq tradizzjonijiet ġejjin mill-ewwel seklu u li ħadet il-forma li għandha llum f’nofs it-tieni seklu. Fiha nsibu l-ġrajja mit-tnissil ta’ Marija sal-ħarba lejn l-Eġittu.

Ġwakkin u Anna huma ppreżentati bħala koppja għanja, beżgħanin minn Alla u ġenerużi ħafna, imma li ma kellhomx tfal. Il-fatt li jilmentaw li tfal ma kellhomx jagħtina x’nifhmu li kien għadda ż-żmien għalihom li seta’ jkollhom. Għalhekk nifhmu li meta twieldet Marija kienu ġa avvanzati fl-età. Mhux ċar min minnhom kien sterili, għax kemm Ġwakkin kif ukoll Anna jiġu mmaqdra minħabba li ma kellhomx nisel. In-niket li ġab miegħu dat-tmaqdir wassal lil Ġwakkin biex imur erbgħin jum fid-deżert jistenna ż-żjara tal-Mulej waqt li Anna baqgħet fil-ġnien tad-dar tibki u titlob. Is-simboliżmi f’dan il-mument ta’ prova huma qawwija ħafna: l-erbgħin jum ifakkru fil-perjodu li l-poplu ta’ Iżrael għadda fid-deżert jitqabad bejn il-fedeltà u t-tradiment, waqt li kemm id-deżert kif ukoll il-ġnien fil-Bibbja jirrappreżentaw il-post fejn il-qalb tiltaqa’ ma’ Alla u ssib il-mistrieħ.

Il-fidi tagħhom ġiet ippremjata għax it-tnejn ġew miżjura minn messaġġiera ta’ Alla li ħabbrulhom li se jkollhom wild. It-tħabbira smewwija hija xhieda li dal-wild kellu rwol importanti x’jaqdi. Wara disa’ xhur twieldet Marija u huma żammewha magħhom għal tliet snin, imbagħad ħaduha tgħix fit-tempju biex taqdi lill-Mulej skont il-wegħda li għamlu meta saru jafu li se jsiru ġenituri.