Fit-Tieni Qari tal-Ħames Ħadd ta’ Żmien il-Għid nisimgħu rakkont mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli Kapitlu 14, fejn insibu li “ Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, “jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla” (versi 21-22).

Barnaba kien imsejjaħ b’dan l-isem għaliex ismu l-propju kien Ġużeppi minn Ċipru. L-isem Barnaba ifisser “iben il-konsolazzjoni/faraġ.” Jissemma fil-bidu tal-ktieb tal-Atti bħala wieħed li kellu xi artijiet li mar ibiegħhom biex jagħti l-flus lill-Appostli f’Ġerusalemm. Infatti fl-Atti nsibu miktub li “Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri bin il-faraġ; dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli” (Atti 4, 36-37). Kien ftit żmien wara li huwa ingħaqad ma’ Pawlu fil-missjoni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni.

Barnaba kien karattru b’saħħtu, u ma kienx jibża’ minn mumenti diffiċli. Anke meta l-insara kienu għadhom imbeżżgħin minn Pawlu għaliex ma kinux għadhom emmnu li huwa nbidel, kien Barnaba li ħadu għandhom (Atti 9, 26-31). Ftit żmien wara, Pawlu u Barnaba nfirdu minn xulxin, fejn Barnaba ngħaqad ma’ Marku fil-missjoni tiegħu (Atti 15, 36-42).

L-Iskrittura tiddiskrivi lil Barnaba bħala bniedem ta’ ħlewwa, hieni, u entużjast għall-fidi: “hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u bil-fidi” (Att 11, 24).