Talb Ieħor

Santa Tereża ta’ Avila: “Alla waħdu biżżejjed”

Fil-15 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Santa Tereża ta’ Avila, Verġni u Duttur tal-Knisja. Flimkien ma’ San Ġwann tas-Salib ħabirket għar-riforma tal-Ordni Karmelitan li wasslet fit-twaqqif tal-Ordni tal-Karmelitani Skalsi, magħrufin iktar bħala Tereżjani.

Imwielda fil-belt Spanjola ta’ Avila fl-1515, fiha kellha tbaqbaq l-istess spirtu gwerrier tan-nisa ta’ din il-belt. Madwar żewġ sekli qabel, meta Avila kienet mhedda mill-attakki tal-Mori, l-armata tal-belt ħarġu biex jippruvaw iżommu l-armata tal-għadu ’l bogħod. Imma l-għadu kien qed jistenna din l-okkażjoni sabiex jattakka l-belt meta ma kienx hemm min jiddefendiha. Quddiem din it-theddida, Jimena Blázquez, il-mara tas-sindku, organizzat lin-nisa tal-belt li, libsin l-armaturi tal-gwerra, marru fuq is-swar hekk li rnexxielhom iqarrqu bl-għadu li ħaseb fil-belt kien għad fadal biżżejjed suldati biex jiddefenduha.

Din il-qawwa ta’ gwerriera tidher kemm fil-ħafna kitbiet li ħalliet u kif ukoll fil-kuraġġ muri biex tikkonfronta kull ostaklu fl-intenzjoni qaddisa tagħha li terġa’ tqanqal mill-ġdid l-ispirtu ta’ Elija fl-Ordni Karmelitan. Anke t-tixbiha tal-kastell interjuri tikkumplimenta x-xenarju tal-belt ta’ Avila li ħadd ma seta’ jaħbat għaliha jew jaħtafha.

F’dan it-teżor ta’ għerf u talb, tassew tispikka n-nota li nstabet fil-ktieb tat-talb tagħha wara mewtha fis-sena 1582. Din in-nota taqra hekk:

Tħalli xejn xi jħawdek,
tħalli xejn xi jbeżżgħek.
Kollox jgħaddi;
Alla ma jitbiddilx.
Is-sabar
jikseb kollox.
Min għandu ’l Alla
ma jonqsu xejn.
Alla waħdu biżżejjed.

Nistgħu ngħidu li f’dawn il-ftit versi nsibu miġbura din il-qalb taqbad ta’ gwerriera li tagħraf li, mingħajr l-imħabba tal-Maħbub tagħha, ma tista’ titqabad l-ebda battalja. U tasal li turi qawwa u kuraġġ proprju għax tagħraf tqiegħed is-sigurtà tagħha biss fil-Mulej li waħdu hu biżżejjed. Din iċ-ċertezza tixbah id-dikjarazzjoni qawwija li jagħmel Kristu fid-diskors eskatoloġiku tiegħu: “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mt 24, 35).

F’ittra lill-Isqof ta’ Avila fl-okkażjoni tal-450 sena mill-bidu tar-riforma Tereżjana, il-Papa Benedittu XVI jagħmel din l-istedina li naħseb li tgħodd għalina wkoll għax hija relevanti għal kull żmien u f’kull ċirkostanza:

Fuq il-passi ta’ Tereża ta’ Ġesù, ippermettuli ngħid lil dawk kollha li għandhom il-futur tagħhom quddiemhom: jalla intom ukoll taspiraw li tkunu kompletament ta’ Ġesù, ta’ Ġesù biss u dejjem ta’ Ġesù. Tibżux tgħidu lill-Mulej tagħna, kif qalet hi: “Jiena tiegħek; jien twelidt għalik, xi trid tagħmel bija?” (It-Tieni Poeżija). U jiena nitolbu jagħtikom li twieġbu wkoll għas-sejħa tiegħu, imdawlin mill-grazzja divina “b’determinazzjoni soda” sabiex toffru “dak il-ftit” li hemm fikom, bil-fiduċja fil-fatt li Alla qatt ma jħalli waħedhom lil dawk li jħallu kollox għall-glorja tiegħu (ara Camino di perfección 21, 2; 1, 2).

Benedittu XVI, Ittra lill-Isqof ta’ Avila fl-okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Monasteru ta’ San José En Ávila u mill-bidu tar-riforma Tereżjana (16 ta’ Lulju 2012), par. 5.

“Ħudu l-Ispirtu s-Santu”

Adorazzjoni Ewkaristika bi tħejjija għal Pentekoste

Ġunju 2022

Innu waqt l-Espożizzjoni

Vista lil Ġesù Ewkaristija

O Sultan etern u għoli,
li ħennejt għalina w fdejtna,
inti qridtil-mewt għal dejjem,
bik il-grazzja t’Alla rebħet.

Missierna, Sliema, Glorja

Tlajt glorjuż fil-leminija
tal-Missier, li tak is-setgħa
fuq il-ħlejjaq kollha tiegħu,
saltna li mhijiex tad-dinja.

Missierna, Sliema, Glorja

Hekk, Mulej, quddiemek jinżel
għarkupptejh kulħadd: fis-sema,
fl-art, f’qiegħ l-art, għemilek kollu
jadurak fil-biża’ tiegħek.

Missierna, Sliema, Glorja

O Mulej, sultan tal-ħlejjaq,
li m’hemmx hena ieħor ħliefek,
kun hawnhekk il-ferħ ta’ qalbna,
kif għad tkun il-premju tagħna.

Missierna, Sliema, Glorja

Nitolbuk, għalhekk, tagħtina
maħfra sħiħa ta’ dnubietna;
u bil-grazzja tiegħek għinna
nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.

Missierna, Sliema, Glorja

Tifħir lilek, Kristu Sidna,
int li tlajt glorjuż fis-sema;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Amen.

Skont il-ferhma tal-Papa: Missierna, Sliema, Glorja

Wara li l-Ħadd li għadda fakkarna Tlugħ il-Mulej fis-Sema, il-Ħadd li ġej il-Knisja tiċċelebra s-solennità ta’ Għid il-Ħamsin, fejninfakkru l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-ewwel komunità miġburin flimkienfit-talbmadwar Marija, Omm Ġesù, u l-Appostli. Hija l-festa tal-bidu tal-Knisja, meta dak li twettaq fuq is-salib u bil-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, issa laħaq il-milja tiegħu bid-don tal-Ispirtu Qaddis li permezz tiegħu mhux biss setgħu jgħixu huma dan il-misteru tal-fidwa imma kisbu wkoll il-qawwa li jwassluh lill-oħrajn. Aħna wkoll, kif ninsabu fiż-żmien bejn l-ewwel miġja tal-Mulej Ġesù bħala bniedem u l-istennija tal-miġja tiegħu mill-ġdid fil-glorja, aħna wkoll illejla inġbarnafit-talb imdawrin bix-xirka tal-qaddisin fil-preżenza tal-Mulej Irxoxt ħaj fl-Ewkaristija sabiex mingħandu nistennew mill-ġdid id-don kontinwu tal-Ispirtu li permezz tiegħu jġedded lill-Knisja u lid-dinja.

(adorazzjoni fis-skiet)

Ejjew nagħmlu tagħna t-talba tas-Salmista f’Salm 104, billi flimkien intennu: Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art.

Salm 104, 1-2a.24.35ċ.27-28.29bċ-30

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf int għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! R/.

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom ikilhom f’waqtu.
Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Innu Ewkaristiku

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann(20, 19-23)

Dak in-nhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek, Kristu

F’dan ir-rakkont li jagħtina l-Evanġelista San Ġwann, li huwa l-ekwivalenti tax-xena drammatika li jpittrilna San Luqa tal-ġrajja ta’ Pentekoste fl-Atti tal-Appostli, il-laqgħa mal-Mulej Irxoxt isseħħ dakinhar tal-qawmien stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, l-ewwel jum tal-istorja ġdida tal-umanità, tal-bniedem li jinħoloq mill-ġdid bil-qawwa tal-Ispirtu li l-Mulej jonfoħ fuqhom bħalma nefaħ fuq Adam,l-ewwel bniedem, sabiex tah il-ħajja.
U aħna wkoll ġejna hawn, Mulej, bħal donnaf’dik il-kamra ta’ fuq fejn tajt ġismek bħala ikel u demmek bħala xorb għall-ewwel darba, hawn fejn titmana bik innifsek ta’ kuljum. Inġbarnahawnflimkien bħala komunità li diġà rċeviet id-don tal-Ispirtu Qaddis fil-Magħmudija u fil-Griżma. Inġbarna hawn bħala komunità li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għadha kemm xehdet għall-miraklu Ewkaristiku u setgħet tirċevik ġewwa fiha.
Għall-kuntrarju tad-dixxiplimbeżżgħin mil-Lhud, aħna ġejna hawn bl-imħabba ħielsa tagħna biex inqimuk u nadurawk. Ġejna hawn biex nitolbuktibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, sabiex tibgħat l-Ispirtu tiegħek ta’ sliem fuq id-dinja, tibagħtu biex jagħtina l-qawwa nixhdu għalik fid-dinja. Ġejna hawn u l-bibien mhumiex imsakkra imma huma miftuħa—komunità li tilqa’, komunità li toħroġ tiltaqa’ mad-dinja għatxana għall-verità u l-ħelsien.
Imma filwaqt li hawn ġejna minn rajna biex infaħħruk u nitolbuk, nagħrfuli,bħad-dixxipli, hemm kmajriet oħrafil-ħajjatagħna li fihom ninsabumsakkrau fejn inti jeħtieġ li tidħol bil-preżenza rebbieħa u ħajja tiegħek sabiex tlissen, “Is-sliem għalikom!”Ġejna hawn bil-biżgħat tagħna li jżommuna milli nħobbu b’mod sħiħ u jżommuna milli nkunu tassew komunità nisranija, komunità tiegħek li tiftaħ idejha biex tilqa’ u tħaddan. Ġejna hawn bil-ġrieħi tagħna, kemm personali u kif ukoll familjari, komunitarjiu ekkleżjali. Ġejna hawn infittxuk f’dinja mifnija mill-kunflitti u n-nuqqas ta’ sliem.
Iżda bħalma, minn fuq is-salib, kien minn ġenbek minfud li ħarġu d-demm u l-ilma, xbieha tad-Don tal-Ispirtu, xbieha tas-Sagramenti, l-għejun li fihom nħaslet id-dinja, hekk ukoll illejla nitolbuk sabiex turina jdejk u ġenbek ħalli minnhom tinżel fuqna l-qawwa li tfejjaq u ssaħħaħ, tbierek u tqaddes. Urina l-pjagi tiegħek, Mulej, sabiex fihom nagħrfu li l-pjagi tagħna u tal-Ġisem tiegħek li hu l-Knisja jistgħu jiġu mfejqa. Urina l-pjagi tiegħek sabiex minnhom il-feriti tagħna jindilku bil-balzmu tal-fejqantiegħek. Urina l-pjagi tiegħek sabiex fihom nagħrfu l-imħabba li fdiet id-dinja u għadha ssalvaha.

Innu Ewkaristiku

Ejjew b’fiduċja nduru fuq il-Mulej Irxoxt u nitolbuhjonfoħ fuqna mill-ġdid in-Nifs Qaddis tiegħu li jagħti l-ħajja mill-ġdid billi wara kull talba ntennu: Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek.

  • Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuq il-Papa u l-isqfijiet kollha, suċċessuri tal-Appostli, sabiex jitimgħu bil-Kelma tal-verità lill-poplu tiegħek. R/.
  • Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuq il-mexxejja tal-ġnus sabiex ixettelfihom ħsibijiet ta’ sliem. R/.
  • Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuq il-ġenituri, l-għalliema u l-katekisti kollha fl-isfida li għandhom li jwasslu l-fidi lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. R/.
  • Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuq dawk li qed issejjaħ biex jiddedikaw ħajjithom għax-xandir tal-aħbar it-tajba sabiex jagħtihom id-don tal-kuraġġ. R/.
  • Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuq il-qlub miġruħa sabiex idewwaqhom il-ħlewwa tiegħek. R/.
  • Sawwab, Mulej, l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuqna sabiex inissel fina sens ta’ ndiema u sogħba vera. R/.

Mill-glorja tiegħek fil-leminija tal-Missier, sawwab mill-ġdidid-don tal-Ispirtu Qaddis tiegħek fuq id-dinjaħalli jġeddidhau jqaddisha. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.