Żgur li smajna xi storja dwar il-Kurat ta’ Ars li l-Knisja tiċċelebra t-tifkira tiegħu fl-4 ta’ Awwissu, imma ma tantx aħna konxji li ħalla għadd ta’ kitbiet kateketiċi li jirriflettu l-istil sempliċi imma profond tiegħu. F’waħda mill-katekeżi dwar it-talb, San Ġwann Marija Vianney jgħid li d-dmir tal-bniedem hu li jitlob u jħobb. It-talb huwa l-għaqda tagħna ma’ Alla li jħobbna. Dan il-qaddis jurina li, “min għandu qalbu nadifa u marbuta ma’ Alla jħoss bħal għaxqa u ħlewwa tal-għaġeb, u madwaru jxerred dawl liema bħalu.” Għalhekk f’din l-għaqda sħiħa ma’ Alla, Alla u r-ruħ isiru bħal żewġ xemgħat imdewba f’waħda, u b’hekk ħadd ma jkun jista’ jifridhom iżjed. It-talb tagħna jwessgħalna qalbna biex inkunu nistgħu nħobbu lil Alla u lill-oħrajn. Meta t-talb isir kif suppost, it-tbatijiet jinħallu, iż-żmien itir ħafif, b’ferħ kbir għall-bniedem. Kultant il-bniedem lanqas biss jintebaħ li ż-żmien għaddej meta jkun magħqud ma’ Alla fit-talb.

Fl-istess katekeżi, San Ġwann Marija Vianney jirrakonta li, meta kien kappillan, f’waqt partikolari, sħabu kollha mardu, u minħabba f’hekk kellu jagħmel mixjiet twal. Però, huwa u sejjer, kien jitlob lil Alla u ma kienx jara l-ħin twil. Hawn iġib l-eżempju ta’ wħud li “jegħrqu għalkollox fit-talb qishom ħuta fl-ilma.” Għall-kuntrarju, San Ġwann ifisser kif kultant nidħlu l-knisja bla ma nkunu nafu xi rridu nagħmlu jew x’għandna nitolbu. Mentri, meta nkunu mistiedna għand xi ħadd, inkunu nafu għalfejn sejrin u fuq xiex ser nitkellmu.

Mill-banda l-oħra, it-talb waħdu biżżejjed? F’diversi partijiet tal-Kotba Mqaddsa nsibu li t-talb u l-imħabba lejn Alla iżolati mhumiex biżżejjed għax hemm il-bżonn li nħobbu lil ħutna li jinsabu madwarna. Fl-ewwel ittra ta’ San Ġwann Appostlu, l-awtur sagru jgħid:

Jekk xi ħadd jgħid: “Jiena nħobb ’l Alla”, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?”

1 Ġw 4, 20

Għalhekk, permezz tat-talb u tal-imħabba lejn il-proxxmu tagħna nkunu qed nagħmlu dak li qalilna l-Appostlu Ġwanni: “Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb ’l Alla, iħobb ukoll lil ħuh” (1 Ġw 4, 21).