Nammetti li ma tantx insibu biex isibli l-affarijiet mitlufin lil Sant’Antnin għax tant jirnexxili nitlifhom tajjeb, li anke hu jaqta’ qalbu! Imma meta tiġi l-festa ta’ dan il-qaddis tant popolari magħna l-Maltin, dejjem niftakar f’aneddotu ta’ tfuliti: il-filmin kollu kuluri sbieħ u lbies tal-epoka dwar Sant’Antnin li konna naraw il-MUSEUM. Il-possibbiltajiet kważi infinita li joffru l-programmi tal-lum bl-ebda mod ma jħabbtuha mal-faxxinu li kellhom il-filmini f’għamla ta’ romblu li kont trid iddawwarhom b’idek jew is-slides li tagħfas buttuna fuq ir-remote bil-wajer u tisma’ dak it-tfaqqigħ biex iddur l-istampa.
U l-iktar parti tar-rakkont li kienet tolqotni kienet dwar l-avvenimenti li seħħew bejn l-1219 u l-1221. Ta’ ħmistax-il sena, Fernandino daħal mal-Kanonċi Regolari tal-Ordni tas-Salib Imqaddes u sar saċerdot fl-1220. Iżda, sena qabel l-ordinazzjoni, ħabbtu l-bieb tal-kunvent xi patrijiet Franġiskani li kienu sejrin il-Marokk ixandru l-Evanġelju minkejja l-periklu li kien hemm. Din il-laqgħa tant immarkatu lil Ferdinando li meta, xi xhur wara, l-iġsma ta’ dawn il-patrijiet inġiebu fil-belt ta’ Coimbra għax kienu ngħataw il-martirju, Ferdinando kiseb il-permess mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi biex iħalli l-ordni fejn kien u jissieħeb mal-Franġiskani, fejn ingħata l-isem ta’ Antonio, biex hu wkoll, fi żmien qasir, jirkeb il-ġifen biex iwassal il-Bxara t-Tajba lill-Musulmani, u forsi wkoll jieħu l-martirju għal Ġesù.
Imma l-pjan ta’ Alla kien mod ieħor għax, mal-wasla tiegħu fil-Marokk, Patri Antonio marad serjament u kellu jmur lura l-Portugall. Iżda meta l-ġifen ħareġ mill-port, qabadhom maltemp qawwi, u ħelsu b’miraklu, imma minflok il-Portugall sabu ruħhom Sqallija! Wara li rkupra saħħtu mill-ġdid, Sant’Antnin telaq bil-mixi lejn Assisi fejn Franġisku ried jiġbor il-patrijiet kollha għall-Kapitlu Ġenerali fis-sena 1221.
Nimmaġina li San Antnin sab ruħu xi ftit diżappuntat, mifxul, mimli dubji u mistoqsijiet. Xtaq jagħmel tant ġid fost dawk li ma kinux jafu bi Kristu! Xtaq imut saħansitra martri għal Kristu! Imma minflok spiċċa marid u f’art għal kollox differenti … sensazzjoni li ta’ spiss inħabbtu wiċċna magħha meta l-ħajja jew il-persuni, jew il-Knisja, jew il-politiċi u l-partiti—jew forsi Alla stess—jiddiżappuntawna … meta l-ħajja ma tiġix kif ħlomnieha aħna … meta jkollna nikkonfrontaw ir-realtà li l-ħolm tagħna ma sarx kollu realtà … meta saħħitna ma tippermettix iktar dak li konna nagħmlu tant minn qalbna … meta lil Alla nħossu li ma nistgħux nifhmuh jew addirittura narawh inġust … Faċli ninħakmu mill-frustrazzjoni. Faċli ninħakmu mir-rabja, mis-sarkażmu, u miċ-ċiniċiżmu. Jew, fuq l-estrem l-ieħor, naqtgħu qalbna u neħlu nitħassru lilna nfusna.
Żgur li Sant’Antnin ukoll kellu jħabbat wiċċu ma’ dan kollu. Il-qaddisin huma bnedmin normali, komuni, bħalna, mhumiex supereroj. Imma, għax huma profondament bnedmin, il-qaddisin ma jħallux id-diżappunti u l-fallimenti jwaqqfuhom, imma minflok iħallu l-umanità tagħhom issir iktar umana, u allura iktar tixbah lil Kristu fi proċess gradwali ta’ konverżjoni u maturità.
Il-vjaġġ lejn Assisi kien ukoll pellegrinaġġ interjuri li matulu Sant’Antnin ħalla lil Alla jbattlu minn dak kollu li kien qed itelliflu l-paċi, ibattlu mid-diżappunti kollha li l-ħajja dejjem iġġib magħha, iserraħlu qalbu qalb il-mistoqsijiet li kienu jtaqqluh, sabiex imbagħad b’qalb miftuħa u mbattla għal kollox, seta’ jilqa’ dak li Alla kellu lest għalih għax, kif jikteb San Pawl lir-Rumani: “Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8, 28). U mhux għall-ġid tagħhom biss imma għall-ġid tal-umanità kollha!