Fir-rit l-antik tal-liturġija, it-tħeħħija għaż-żmien liturġiku tar-Randan kienet tibda qabel ras ir-Randan. Infatti, dan iż-żmien ta’ tħejjija kien jibda tliet ġimgħat qabel Ras ir-Randan. L-ewwel Ħadd tat-tħeħħija kien jissejjaħ is-Septuagesima, li kien it-tielet Ħadd qabel Ras ir-Randan, jew id-disa’ Ħadd qabel l-Għid. Fil-bidu ta’ dan iż-żmien, kienet tiġi ċċelebrata festa ddedikata lit-talba li Ġesù għamel fl-Ort tal-Ġetsamani. It-talbiet għal din il-festa kienu jiffukaw fuq il-ġnien fil-ktieb tal-Ġenesi, il-waqgħa ta’ Adam u Eva, u l-qtil ta’ Abel.

Iż-żmien tar-Randan hu żmien li fih niftakru b’mod speċjali fil-passjoni ta’ Ġesù. Il-vara tal-Ort hi l-ewwel statwa li toħroġ fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Fiha naraw lil Ġesù jitlob taħt siġra taż-żebbuġ, xi minn daqqiet akkumpanjat ukoll minn anġlu konsolatur. Kif nisimgħu fl-Evanġelju skont San Mark: “Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ” (14, 16); u f’San Mattew: “Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli: ‘Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob.’” (Mt 26, 36). Ġesù f’dan il-mument jagħti l-“iva” tiegħu biex ibati għalina.

San Massimu l-Konfessur jgħid li, sa mill-mument tal-ħolqien tar-raġel u l-mara, ir-rieda umana kienet orjentata lejn ir-rieda divina u li huwa proprju fl-“iva” lil Alla li r-rieda umana hija kompletament ħielsa u ssib t-twettiq tagħha. Hu minħabba d-dnub, li din l-“iva” lil Alla tista’ tinbidel f’oppożizzjoni: Adam u Eva ħasbu li l-“le” lil Alla kienet ser twassalhom għall-kuruna tal-libertà.

Fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù jurina xi jfisser li twieġeb “iva” għar-rieda ta’ Alla—hu jintelaq totalment f’idejn Missieru. Il-libertà interjuri tiġi biss meta nwieġbu b’libertà għar-rieda ta’ Alla f’ħajjitna.

Mil-liturġija tal-Festa ta’ Ġesù fil-Ġnien ta’ Ġetsemani:

Mulej Alla tagħna,

fl-agunija tiegħu fil-ġnien,

Ġesù, Ibnek, għallimna bil-kelma u bl-eżempju

kif titlob fil-ħin tal-prova.

Żommna dejjem fidili għat-talb,

biex naħsdu l-ħsad għani tiegħu ta’ grazzja.

Nitolbu dan b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.