F’dan iż-żmien ta’ festi fil-knejjes tagħna naraw armar, dekorazzjonijiet, u apparat liturġiku ta’ valur u preġju inestimabbli. Xi affarijiet huma biss dekorazzjoni, bħal ngħidu aħna d-damask mal-ħitan. Imma hemm affarijiet oħra li għandhom użu prattiku, bħalma huma l-gandlieri fuq l-altar, il-pjaneti u l-kalċijiet … Xi wħud ifakkruna f’xi saċerdot li kienu tiegħu u li ħallihom għall-użu tal-parroċċa. Niftakru wkoll f’persuni li kienu jieħdu ħsieb dak l-istess armar jew kienu l-benefatturi tiegħu. Filwaqt li kien hemm benefatturi benestanti, hemm ukoll għotjiet prezzjużi ta’ familji numerużi u bi dħul baxx li kienu lesti jiċċaħħdu iktar basta jaraw li d-dar ta’ Alla jkollha dak li hu l-aqwa u l-aħjar għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-misteri qaddisa.
Hemm mbagħad armar li drajnieh imma qajla nagħtu kas tat-tifsira tiegħu, bħal ngħidu aħna t-tużell jew il-kanupew li l-għan tagħhom hu li jgħattu b’qima regali l-iktar postijiet sagri, jiġifieri l-altar u t-tabernaklu. Imma mbagħad hemm armar ieħor li tlifna jew insejna l-iskop tiegħu, l-iktar għax xorta waħda baqa’ jintrama fil-knejjes tagħna minkejja li tilfu l-użu tagħhom wara r-riforma liturġika tal-Konċilju Vatikan II.
Probabbilment, l-iktar prominenti fost dawn huma dawk it-tliet inkwatri ta’ forma xi ftit stramba—wieħed ikbar mit-tnejn l-oħra—li jintramaw fuq l-altari laterali (tal-ġnub). Ġeneralment ikunu tal-fidda, jew tal-injam u ndurati bil-fidda, jew magħmulin minn metall ieħor leqien, bi ħġieġa, li taħtha naraw karta musfara biż-żmien b’xi dekorazzjonijiet u kitba rqiqa. Bil-Malti nsejħulhom “Karti Glorja”. Imma għalfejn insejħulhom hekk? X’kien l-iskop tagħhom?
Qabel ir-riforma liturġika, is-saċerdoti kienu jqaddsu b’mod privat fuq id-diversi altari tal-knisja, anke fl-istess ħin. Barra l-missal—li huwa l-ktieb li fih it-talb tal-quddiesa—fuq l-altari kienu jitpoġġew ukoll dawn it-tliet kwadri li fihom kien hemm partijiet tal-quddiesa. Fuq ix-xellug tagħna jitpoġġa ‘l-inkwatru’ li fih hemm parti mill-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 1, 1-14) li kien jinqara fi tmiem il-quddiesa. Fin-nofs titqiegħed il-karta glorja l-kbira li fiha, fost l-oħrajn, ikun hemm il-Glorja (għalhekk karti glorja), it-talba li s-saċerdot jgħid fis-skiet qabel l-Evanġelju, il-Kredu, il-kliem tal-konsagrazzjoni u partijiet oħra mit-talba Ewkaristika. It-tielet waħda, tal-lemin, ikun fiha t-talba li jgħid is-saċerdot waqt li jferra’ ftit qtar ta’ ilma fil-kalċi mimli bl-inbid waqt l-offertorju, u t-talba li jgħid waqt il-ħasil tal-idejn, meħudha minn Salm 26, li tibda bil-kliem: “Naħsel fis-safa jdejja, u ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej” (Salm 26, 6).
Ħafna minn dan it-talb kien mistenni li s-saċerdot jgħidu bl-amment, u għalhekk dawn il-karti glorja kienu ta’ għajnuna għall-memorja. Saħansitra l-ordni ta’ kif jitpoġġew fuq l-altar jirrifletti l-post fejn is-saċerdot kien jgħid it-tali talba, u allura l-kliem tal-konsagrazzjoni nsibuh fil-karta glorja tan-nofs, filwaqt li dik bit-talb ta’ waqt l-offertorju nsibuh fuq ix-xellug fejn is-saċerdot kien jersaq biex jimla l-kalċi u biex l-abbati jaħsillu jdejh.
Nittama li issa qtajt il-kurżità li kellek dawk l-imberkin inkwatri strambi u sbieħ fl-istess ħin. Tal-anqas, meta tidħol iddur f’xi knisja fil-jiem ta’ festa tista’ tapprezza aħjar kemm il-qima ġenwina ta’ missirijietna li lil Alla riedu joffrulu l-aħjar, kif ukoll l-għarfien li kollox għandu skop fil-liturġija, mhux sempliċiment biex iżejjen imma biex jirrifletti l-ġmiel tal-misteru li qed jiġi ċċelebrat.